Deċiżjoni kuraġġjuża għall-ħatra tal-Kummissarju – Abela

Aġġornat 04:20 PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ġimgħa d-dieħla se tittieħed deċiżjoni dwar l-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, u appella biex l-Gvern ikun kuraġġjuż dwar il-metodu ġdid dwar il-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid. Fisser kif il-metodu l-ġdid li se jippreżenta lill-Kabinett “se jkun jixraq għaż-żminijiet tal-lum”.

Sostna iżda li filwaqt li se joffri l-id tal-ħbiberija, id-deċiżjonijiet se jeħodhom il-Gvern.
Meta kien qed jitkellem f’attività tal-massa organizzata mill-Partit Laburista f’Bormla, Abela stqarr li din il-bidla ġabet l-arja friska u li qed tinħass ukoll mill-korpi kostitwiti.

Huwa qal li l-Gvern se jinżel fit-toroq u mhux se joqgħod jistenna l-kampanja għall-elezzjoni ġenerali, biex jibqa’ viċin in-nies. Abela qal li l-Partit ħareġ minn mument li potenzjalment seta’ qassam lill-partit f’mitt biċċa. Huwa qal li hawn irid jgħid grazzi partikolari lil Chris Fearne u tal-maturità kbira li urew il-partitarji tiegħu. Qal li urew ċar li jridu li jiġbdu ħabel wieħed.

Abela qal li l-ikbar deċiżjoni li ħa kienet l-ħatra tal-kabinett u qal li jinsab kburi b’dik id-deċiżjoni minkejja li kienet weġgħa li tħallew barra membri parlamentari peress li kabinett b’37 persuna ma jaħdimx.

Waqt li kommess li juża’ t-talent kollu tal-membri parlamentari laburista, Abela
ddeskriva l-kabinett bħal mimli talent żagħżugħ u kellu diżpjaċir li ma kienx hemm biżżejjed żgħażagħ għax kien jinkludihom ukoll.

Qal li l-ambjent u l-ippjanar mhumiex b’kumbinazzjoni iżda tpoġġew flimkien biex l-ambjent ma jibqax aktar il-ħaruf tas-saġrifiċċju tal-iżvilupp. Huwa qal li l-Gvern ma jridx jara sal-ponta ta’ mnieħru u jrid jara x’wirt se jħalli lit-tfal tal-lum.

Il-Prim Ministru appella lill-Partit Laburista biex jibża’ għall-għeruq tal-partit u jibża’ għan-nies tiegħu.

Huwa qal li jrid joħloq kummissjoni fi ħdan il-Partit Laburista li tissorvelja l-aġir tan-nies tal-partit.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fit-tul dwar Bormla u l-Bormliżi wara l-kritika li saritlu meta d-deputati tat-tieni distrett tħallew barra l-kabinett. Huwa sejjaħ lil Bormla u l-Bormiliżi bħala l-familja tiegħu u filwaqt li reġa’ stqarr li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq it-2 distrett, qal li l-kabinett kollu se jiddefendi l-interessi tagħhom.

“L-ewwel test importanti” – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal jekk verament il-PM ġdid Robert Abela jemmen fil-governanza tajba quddiemu għandu l-ewwel test importanti u għandu jneħħi lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.