Deċiżjoni dwar id-dehriet f’Medjugorje tista’ ddum

Il-Kardinal Gerhard Mueller, Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi wissa’ li d-deċiżjoni tal-Vatikan biex jiddeċiedi dwar id-dehriet  tal-Madonna f’Medjugorje, tista’ ddum ma tittieħed.
Fenomenu Pastorali ma jistax’ jinvena fuq pedamenti foloz u l-Knisja ma tistax tifred it-tħassib pastorali mill-mistoqsijiet dwar l-awtentiċita’ ta’ dawn il-viżjonijiet.
Massa kbira ta’ nsara  huma affaxxinati żżejjed b’Medjugorje u dan mhux tajjeb għall-futur tal-Knisja li tkun dipendenti biss fuq jekk dawn l-allegati dehriet humiex veri jew le. Din is-sitwazzjoni trid tinbidel anke jekk id-dehriet tal-Madonna jiġu rikonoxxuti kif kien il-każ ta’ Lourdes u Fatima.
Il-Kardinal Mueller tkellem dwar dan mal-Aġenzija Pollakka dwar l-Informazzjoni Kattolika fl-istess żmien meta l-Arċisqof Pollakk Henryk Hoser kompla bil-viżta li qed jagħmel biex ikun jista’ joffri gwida għal ħidma pastorali futura f’Medjugorje.
Il-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi bħalissa qed tistudja u teżamina l-allegati 42,000 dehra li jingħad li għamlet il-Madonna mill-1981 ‘l hawn f’dan ir-raħal biex imbagħad il-Papa jkun jista’ jagħmel id-deċiżjoni tiegħu dwarhom.  Il-Kardinal wissa’ li d-dehriet private għandhom jitqiesu bħala “sejħiet profetiċi” aktar milli xi ħaġa ġdida u sostna li għad irid jgħaddi ż-żmienn qabel ikun hemm deċiżjoni finali dwar dawn id-dehriet.
“Fil-każ ta’ Fatima, wieħed seta’ jara invokazzjoni ċara u enfatika kontra t-tixrid tal-Komuniżmu u appell profetiku konkret biex permezz tat-talb nopponu dan it-tixrid.  Fil-każ ta’ Medjugorje, ma hemmx xi skadenza speċifika meta għandha titlesta r-riċerka dwar il-karattru sopranaturali ta’ dak li qed jiġri u l-Kongregazzjoni tal-Fidi mhux se ċċedi għall-ebda pressjoni biex tagħti l-ġudizzju tagħha”, sostna l-Karidnal.
Sitt żgħażagħ minn Medjugorje jgħidu li raw il-Madonna fl-24 ta’ Ġunju 1981 waqt li kienu qed jirgħu n-nagħaġ u jgħidu li jkollhom dawn id-dehriet kontinwament. Kull sena madwar 2.5 miljun pellegrin iżur dan il-post bil-Kardinal tal-post jinsisti li Medjugorje saret l-akbar konfessjonarju fl-Ewropa fejn qed isiru ħafna konversjonijiet u jinqalgħu grazzji.