Deċiżjoni dwar Dalli se tittieħed madwar sitt xhur oħra

L-avukati li qed jirrapreżentaw lill-eks Kummissarju Ewropew John Dalli u lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso komplew bid-dibattitu tagħhom quddiem il-Qorti Ewropea.
Id-diskussjoni kienet iffukata fuq jekk Dalli rreżenjax volontarjament jew ġie sfurzat jagħmel dan.
Il-Qorti Ewropea qalet li d-deċiżjoni finali mistennija tittieħed bejn sitt jew tmien xhur oħra.
Fl-istqarrija tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea, John Dalli rrakonta dak li ġara fis-16 ta’ Ottubru 2012, meta il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jose’ Manuel Barroso, talab lil Dalli biex jirreżenja.
Dalli qal li hu kien infurmat bil-laqgħa fil-11 ta’ Ottubru. Ma kienx hemm aġenda fil-laqgħa u kellu jħassar laqgħa li kellu qabel.
L-eks Kummissarju Ewropew qal li kien jaf bl-investigazzjoni tal-Olaf iżda ma kienx jaf li l-investigazzjoni kienet konkluża.
Matul il-laqgħa, Dalli kontinwament talab lill-Barroso biex jara r-rapport, iżda dan tal-aħħar dejjem irrifjuta.
It-tieni laqgħa kienet mal-avukat Gayle Kimberley. Dalli akkuża lill-Olaf li ħeba l-fatt li Dr Kimberley ma kinetx qed tirrapreżenta lil Swedish Match waqt il-laqgħa.
Dalli qal li hu kien talab 24 siegħa lil Barroso biex ikun jista’ jikkunsida l-pożizzjoni tiegħu, iżda l-President tal-Kummissjoni Ewropea qallu li għandu 30 minuta biex iressaq ir-riżenja tiegħu. 
Jose’ Manuel Barroso, fl-intervent tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea qal li wara dak li ħareġ mir-rapport tal-Olaf, il-President tal-Kummissjoni Ewropea kien tilef il-fiduċja f’Dalli.
Saħaq li li kieku ma rreżenjax hu, kien lest li jkeċċi lil Dalli hu stess. 
Barroso qal li ma setax jifhem kif John Dalli kellu dawn il-laqgħat eluf ta’ mili ‘l bogħod mill-Kummissjoni mingħajr l-ebda uffiċjal preżenti.