Deċiża d-data għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss

L-elezzjonijiet Ewropej li jmiss se jsiru bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju tal-2019.
Dan ġie kkonfermat mill-Parlament Ewropew wara li l-Ewroparlamentari kkonfermaw il-proposta tal-Kunsill u approvaw il-kalendarju tas-sessjonijiet plenarji għall-2019.
Id-dati għall-elezzjoni ġew issuġġeriti mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament fil-11 ta’ Jannar. Il-kalendarju tas-sessjonijiet plenarji għall-2019 ġie approvat ukoll f’vot separat.
Issa l-Kunsill mistenni jiffinalizza l-proċedura qabel it-tmiem ta’ Ġunju tal-2018.
Fi stqarrija spjegaw li minkejja li skont l-Att Elettorali tal-1976, l-elezzjonijiet Ewropej għandhom iseħħu bejn il-Ħamis 6 u l-Ħadd 9 ta’ Ġunju, dment li l-Kunsill Ewropew jaġixxi bl-unanimità, għandu d-dritt li jipproponi dati ġodda, wara li jkun l-ewwel ikkonsulta lill-MEPs.