Deborah Schembri tieħu €3,000 fil-ġimgħa mill-Gvern

L-eks Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qed tieħu €3,000 fil-ġimgħa minn direct orders mogħtija lilha mill-Gvern.

Skont ċifri ppubblikati fil-gazzetta Times of Malta, Schembri qed tieħu aktar minn €160,000. Iċ-ċifra eżatta ma setgħetx tiġi kkalkulata minħabba li l-Awtorità tal-Artijiet, li magħhom taħdem bħala avukata, ma ħarġitx iċ-ċifri eżatti.

Skont l-istess gazzetta, iċ-ċifri jkopru tliet rwoli differenti ma’ tliet entitajiet tal-Gvern li magħhom, Schembri ħadet il-flus b’direct order. Dawn huma l-Awtorità tal-Ippjanar, Identity Malta u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Mal-Awtorità tal-Ippjanar Schembri tagħti konsulenza legali direttament lill-Kap Eżekuttiv Johann Buttigieg. Hija ħadet ukoll kuntratt ta’ tliet snin bħala l-Uffiċjal tal-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data li hu stmat li jiswa €42,000 fis-sena. Il-kuntratt mogħtija lilha minn Identity Malta jiswa €56,000 fis-sena u ta’ dan hija taħdem taħt struzzjonijiet diretti miċ-Ċermen tal-Aġenzija tal-Gvern. Dan filwaqt li mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru hija ħadet kuntratt fuq bażi ta’ persuna ta’ fiduċja b’pakkett finanzjarju ta’ €60,653.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li apparti dan id-dħul, Schembri taħdem fil-professjoni legali ta’ avukat li kellha twaqqaf tul il-leġislatura li għaddiet bħala membru tal-Kabinett.