Deborah Schembri taqbeż għal Keith Schembri

L-eks deputata Laburista Deborah Schembri qabżet għal Keith Schembri wara li s-CEO ta’ ONE Productions Jason Micallef qal li Schembri għandu jitkeċċa mill-Partit Laburista. Hija qalet li taqbel li min jagħmel irid iħallas, iżda insistiet li l-Qorti trid l-ewwel tiddetermina sewwasew x’għamel Keith Schembri qabel ma l-Partit jeħodha kontrih, peress li dan għad m’hemmx akkużi kontrih.

Keith Schembri qed jiġi investigat fuq qtil u żvelar ta’ informazzjoni fost l-oħrajn, kif ħareġ ilbieraħ mill-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fuq Facebook, Deborah Schembri rreaġixxiet għall-kummenti ta’ Jason Micallef. Elenkat 10 mistoqsijiet li jinkludu fuq liema kriterji għandu jitkeċċa Keith Schembri u jekk dawn il-kriterji kinux hemm għal ħaddieħor. Schembri dwiet kliem Micallef meta qal li ħadd mhu akbar mill-Partit. Hija saħqet li bl-istess kriterju, individwu wieħed m’għandux jitkellem f’isem Partit sħiħ meta jgħid li xi ħadd ieħor għandu jitkeċċa.

“Ċertu nies m’għandhomx bżonn il-Partit imma l-Partit bżonn ċertu nies”

Schembri qalet ukoll li ċertu nies m’għandhomx bżonn il-Partit biex ikollhom suċċess, imma “l-Partit definittivament għandu bżonn ċertu nies.” Din il-ġimgħa meta mistoqsi mill-ġurnalisti jekk iħossux traditur tal-Partit Laburista, Keith Schembri qal li lill-Partit Laburista ġablu 10 rebħiet. Dan il-kumment ma niżilx tajjeb mad-Deputat Mexxej Chris Cardona, li dalgħodu kiteb fuq Facebook li l-Partit kiseb dawn is-suċċessi bil-mertu tal-Partit stess u bil-fiduċja li jgawdi min-nies, u mhux bil-mertu ta’ individwu wieħed.

Deborah Schembri qalet li l-eks Chief of Staff ħaqqu jingħata ċans wara li ta ruħu u ġismu lill-Partit.

Deborah Schembri kienet preżenti fil-qorti fl-aħħar seduti li kien involut fihom Keith Schembri.