Debono jixtieq jidħol fil-Parlament minflok Stellini – Delia

Facebook

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li diġà ġie avviċinat minn Jean Pierre Debono, biex jiġi co-opted fil-Parlament minflok David Stellini li għadu kif irriżenja. Waqt il-programm Dissett fuq TVM, Delia spjega li hu laqa’ l-entużjażmu tiegħu, iżda kien ċar li jekk jasal biex jitfa’ ismu u jintgħażel, ma jkunx jista’ jżomm il-pożizzjoni ta’ Chief Political Advisor li għandu fi ħdan il-Partit, “għax ma jkunx sew għall-partit”.

Debono kien irriżenja minn MP ftit wara li tela’ fl-elezzjonijiet tal-2017, sabiex jagħmel post għal Delia stess fil-Parlament.

AQRA: Kevin Cutajar jew Jean Pierre Debono bħala MP ġdid għall-PN?

Stellini qal li rriżenja minħabba l-klima politika, li fi kliemu ma tagħmel l-ebda ġid jew ġieħ lill-pajjiż.

AQRA: L-ittra ta’ riżenja ta’ David Stellini tinqara fil-Parlament

“….kif jippreżenta ruħu l-PN hemm barra”

Adrian Delia saħaq li t-tibdil sostanzjali tal-PN għandu jinkludi l-mod kif jippreżenta ruħu hemm barra. Żied jgħid li la l-PN diġà qed iressaq il-proposti tiegħu, ma jifhimx kif il-poplu jibqa’ jarah negattiv, u għaldaqstant sostna li dan ifisser li l-messaġġ tal-partit mhux jasal.

Roberta Metsola u David Casa

Dr Delia semma kif il-Partit Laburista kellu kampanja ta’ kritika kontra l-MEPs Nazzjonalisti, li reġgħu ġew eletti fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda, Roberta Metsola u David Casa. Il-PL għamel kampanja sħiħa jgħid li Metsola u Casa kienu qed jagħmlu ħsara lil Malta.  Fisser li n-Nazzjonalisti rreaġixxew b’mod ċar li la ma jridhomx il-PL, il-PN iridhom. Adrian Delia saħaq li l-PN ma kellu preferenza għall-ebda kandidat u li ta l-istess ċans u spazju lil kulħadd.

Se jsir rapport tat-telfa?

Delia jgħid li jikkunsidrah imma mhux l-iktar ħaġa importanti. Fisser li saru ħafna rapporti tat-telfa u spiċċaw fil-kexxun. Spjega li altru minn dan ir-rapport, li jekk hemm proċedura li jsir m’għandux problema li jsir, għalih l-iktar ħaġa importanti għalih hi li jmur għand kull settur u jsir jaf fejn naqsu l-PN, li ma kinux kapaċi jirrappreżentawhom. Semma fost l-oħrajn is-self employed, il-kaċċaturi, l-LGBTIQ u n-negozji.