Aġġornata: Debono jitqiegħed taħt att t’akkuża

Anthony Debono, ir-raġel tal-eks-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, tqiegħed formalment taħt att t’akkuża wara li l-Qorti t’Għawdex semgħet iktar xhieda fil-kumpilazzjoni tal-provi.
Debono qed jiġi akkużat bi 13-il kap t’akkuża fosthom użu ħażin ta’ fondi pubbliċi fl-allegat każ ta’ “xogħlijiet għall-voti”.
Fil-Qorti dalgħodu xehed is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex, John Borg, li qal li sema’ bl-allegazzjonijiet f’Ottubru li għadda meta Joe Cauchi, il-kuntrattur li għamel ix-xogħlijiet, u li iktar tard sar Whistleblower, infurmah li kellu jieħu mal-€50,000.
Għal-laqgħa, li kienet saret fis-17 t’Ottubru, attenda l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, id-Direttur tal-Proġetti u Żvilupp Joe Portelli u s-Segretarju Permanenti.
Fix-xhieda tiegħu, qal li l-kuntrattur kien qal li tliet kwarti tax-xogħlijiet saru fi propjetajiet privati u xogħol ieħor fil-farm tal-Gvern. Dakinhar, Cauchi kien qalilhom li Debono kien kull tant żmien jgħidlu biex joħroġ invoice falza li kien jippreżenta lill-Ministeru.
Is-Segretarju Permanenti qal li waqt din il-laqgħa, meta Cauchi beda jsemmi x-xogħlijiet li allegatament għamel, il-Ministru għal Għawdex ħareġ mill-kamra għax qal li ma riedx jibqa’ fil-laqgħa.
Borg qal li għall-bidu talab parir lill-uffiċċju tal-Whistleblower fil-Ministeru tal-Ġustizzja u lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ħa azzjoni meta ġiet ippubblikata storja fil-ġurnal Malta Today f’Marzu, u dakinhar informa lill-Kap taċ-Ċivil u lill-Pulizija li ssiġillaw xi uffiċċji għall-investigazzjoni tagħhom.
Fil-Qorti xehed ukoll id-Direttur tal-istess Ministeru, Mario Calleja, fejn qal li t-taqsima li tagħha kien responsabbli Debono kienet tagħmel xogħlijiet ta' manutenzjoni ta’ ħitan tas-sejjiegħ u asfaltar ta’ toroq.
Il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jippreżenta lista tax-xhieda tiegħu biex id-Difiża tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha, u aġġornat il-każ għall-ġimgħa d-dieħla meta mistennija tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda.

Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna li fil-Qorti ġie kkonfermat li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo kien jaf dwar dan l-allegat każ qabel ma kien żvelat mill-gazzetti.
Il-Partit Nazzjonalista jsostni li fil-Qorti ġie kkonfermat li Joe Cauchi ltaqa’ ma’ Anton Refalo f’Ottubru li għadda jew ħames xhur qabel mal-każ spiċċa fil-midja.
L-istqarrija ssostni li Anton Refalo ħeba kollox mill-Pulizija tanti li l-investigazzjoni bdiet biss wara r-rapporti fil-gazzetti.
Il-Partit Nazzjonalista qed jistaqsi x’inhi r-raġuni għaliex il-Ministru għal Għawdex ħeba dan il-każ lill-Pulizija u qed isostni li l-Prim Ministru m’għandu l-ebda triq oħra ħlief li jġiegħel lil Anton Refalo jwieġeb ta’ għemilu.

Reazzjoni Ministeru għal Għawdex
F’reazzjoni, il-Ministeru għal Għawdex qal li l-fatti juru li malli rċieva l-allegazzjonijiet ta’ xogħol privat għall-voti minn fondi pubbliċi, il-Ministru Anton Refalo ressaq il-każ lill-istrutturi neċessarji u b’hekk inbeda l-proċess biex pajjiżna kellu l-ewwel whistleblower li kixef dak li kien għaddej taħt amministrazzjonijiet nazzjonalisti.
Dan il-pass wassal biex f’temp ta’ ftit xhur, jibdew proċeduri fil-Qorti.
L-istqarrija tgħid li dan b’differenza mill-Kap tal-Oppożizzjoni li rċieva l-istess allegazzjonijiet waqt laqgħa li saret miegħu sentejn ilu u ddeċieda li jsaqsi biss lill-whistleblower għaliex kompla jagħmel dan ix-xogħol ġaladarba kien jaf li l-Partit Nazzjonalista kien se jitlef l-elezzjoni ġenerali.