De La Rue tiftaħ impjant ġdid ta’ €27 miljun

Il-Prim Ministru qal li Malta mhux biss qed tiġbed investimenti fl-industrija finanzjarja, iżda kumpaniji ewlenin qed jikkonfermaw il-fiduċja tagħhom fil-pajjiż permezz ta’ iktar investiment.
Huwa qal dan meta kien qed jinawgura l-aħħar tkabbir tal-kumpanija De La Rue b’investiment ta’ €27 miljun. Dan l-impjant se jintuża biex jiġu pprintjati dokumenti u tabelli li jassiguraw l-ġenwinità ta’ prodotti ewlenin fosthom tal-Microsoft. 
Sostna li investimenti bħal dawn jorbtu bis-sħiħ mal-viżjoni ta’ Malta biex tagħmel mill-pajjiż l-aqwa wieħed fl-industrija tal-innovazzjoni.
Żied jgħid li l-kumpanija De La Rue minflok ma naqqset il-preżenza tagħha f’Malta kif qed tagħmel f’pajjiżi oħra fil-punent, qed tkompli tkabbar il-ħidma tagħha f’Malta. 
Joseph Muscat semma kif dan is-suċċess ma wasalx b’kumbinazzjoni iżda huwa r-riżultat ta’ ħidma intensiva bejn il-gvern u s-settur kummerċjali. 
Meta indirizza lill-impjegati, il-Prim Ministru irrefera għall-istorja turbulenti tal-kumpanija De La Rue fl-aħħar erbgħin sena, iżda assiguarhom li l-impjieg tagħhom qatt ma kien daqshekk fis-sigur.
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo