De La Rue se tagħti s-sensja lil 300 impjegat

De La Rue se tnaqqas 300 ħaddiem fuq medda ta’ sentejn u nofs. Dan minħabba ristrutturar fis-sezzjoni tal-istampar tal-karti tal-flus.
Minflok se tkun qed tinvesti €21 miljun f’ċentru ta’ eċċellenza għall-Prodotti ta’ Identità u Sigurtà.
Reazzjoni GWU
Fi stqarrija, il-General Workers’ Union (GWU) qalet li kellha laqgħa ma’ delegazzjoni għolja tal-kumpanija dwar pjan strateġiku għall-futur u kif dan se jaffettwa l-impjiegi tal-ħaddiema.
L-unjin saħqet li mhux taqbel mat-tnaqqis ta’ impjiegi u se tibda taħdidiet mal-kumpanija dwar it-tnaqqis propost.
Għamlet ukoll kuntatt mal-awtoritajiet governattivi biex tkun indirizzata s-sitwazzjoni tal-impjiegi milquta minn dan ir-ristrutturar.
De La Rue hi l-ikbar kumpanija tal-passaporti fid-dinja.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib serju tiegħu għall-fatt li għadd ta' ħaddiema tad-De La Rue se jispiċċaw bla xogħol minkejja li se tkun qed tkabbar l-operat tagħha f'Malta.
Sostna li din l-aħbar titfa' piż kbir fuq il-Gvern, biex kif għamel il-Gvern preċedenti, f'dawn il-mumenti jintervjeni u jara kif jista' jsalva l-postijiet tax-xogħol. Żied jgħid li inkella l-Gvern għandu jassigura li ebda ħaddiem ma jispiċċa bla xogħol.
Il-kelliema tal-PN, Therese Comodini Cachia u Carm Mifsud Bonniċi nsistew mal-Gvern biex jassigura li dawk il-ħaddiema li se jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom, jiġu assigurati li jkollhom xogħol ieħor b'kundizzjonijiet ġusti.
Reazzjoni Ministeru tal-Ekonomija u l-Investiment
Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Investiment qal li l-Gvern jinsab impenjat li jappoġġja l-ħidma ta' De La Rue plc f'Malta. 
Żied jgħid li laqa' b'sodisfazzjon l-aħbar li l-kumpanija se tinvesti €21 miljun f'Malta. Spjega li dan kien riżultat ta' diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Malta Enterprise biex tiġi assigurata s-sostenibbiltà ta' numru kbir ta' impjiegi.
Il-Ministeru qal ukoll, li bħalma għamel f'każi simili, il-Gvern hu impenjat li jsib xogħol alternattiv lil dawk l-impjegati affettwati mir-ristrutturar.

Reazzjoni Partit Laburista
Il-Partit Laburista qal li filwaqt li l-Gvern diġà ħadem ħafna mal-kumpanija De La Rue, tant li flok għalqet il-bibien, se jkun trasferit iktar xogħol lejn Malta, il-pjan ta’ ristruttar li se jsir fuq medda ta’ snin jista’ jfisser li xi ħaddiema jkunu f’riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom.
Żied jgħid li l-Gvern se jkun spalla ma’ spalla mal-ħaddiema, kif sar diġà fil-passat biex jinstab impjieg alternattiv għal dawn il-ħaddiema bil-mezzi kollha li jeżistu.