De Filippi ma titħalliex tidher fuq ir-RAI

Ritratt: Mediaset

Wara t-tmiem tal-finali ta’ Amici nhar is-Sibt li għadda, Mara De Filippi ma għaditx tomgħodha u tkellmet kif l-istazzjon nazzjonali Taljan, ir-RAI waqqafha milli tidher fil-programm Domenica In, ippreżentat minn Mara Venier.

Ftit tal-ġimgħat ilu, De Filippi dehret fil-programm A Raccontare Comincia Tu mmexxi minn Raffaella Carrà fuq Rai Tre, u l-preżentatriċi rreċiprokat l-istedina ta’ Carrà billi ħaditha fuq il-programm Amici.

Mistiedna fl-istess edizzjoni kien hemm Mara Venier li minn naħa tagħha stiednet lil De Filippi fil-programm tagħha tal-Ħadd wara nofsinhar.

De Filippi aċċettat u kienu diġa’ għamluha pubblika l-aħbar li Maria De Filippi kienet se tkun mistiedna fuq Domenica In.

Jidher iżda li dan l-iskambju ta’ stediniet bejn il-preżentaturi tal-istazzjonijiet rivali xejn ma niżel tajjeb mad-diriġenti tar-RAI li waqqfu lil Venier milli jkollha lil De Filippi fil-programm tagħha.

“Ħassejtha sitwazzjoni antipatika,” ġiet ikkwotata li qalet De Filippi waqt li qalet li ma kienitx kumbinazzjoni li għall-finali ta’ Amici kellha lil  Ilary Blasi, Silvia Toffanin, Alessia Marcuzzi u Michelle Hunziker, lkoll preżentaturi tal-Mediaset.

“Fil-Mediaset għandna bżonn nitgħallmu niġbdu ħabel wieħed,” temmet tgħid Maria De Filippi, b’riferenza għall-fatt li fuq il-programmi tagħhom, il-preżentaturi tal-Mediaset għandhom ħabta jistiednu lil kulħadd minn stazzjonijiet differenti b’mod partikolari dawk tar-RAI, filwaqt li minn naħa tar-RAI mhux qed iħallu preżentaturi tal-Mediaset jidhru fuq l-istazzjonijiet tagħhom.