Daphne titlob li jinġabru t-telefonati minn Chris Cardona fil-Ġermanja

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galiza ressqet talba urġenti quddiem il-Qorti biex bħala parti mill-każ ta’ libell dwar l-allegata żjara tal-Ministru Chris Cardona f’burdell fil-Ġermanja, jinżammu r-rekords tat-telefonati li għamel il-Ministru.
F’Jannar li għadda, Caruana Galizia allegat li sorsi tagħha raw lill-Ministru għall-Ekonomija fil-burdell FKK Acapulco, liema akkużi ġew miċħuda minn Dr Cardona.
Cardona kien qal li Caruana Galizia qed tipprova ttappan ir-reputazzjoni tiegħu.
Bl-applikazzjoni tagħha, Caruana Galizia talbet biex sakemm jitilgħu jixhdu, l-operaturi Go, Vodafone u Melita jippreżentaw f’envelopp issiġġillat, kopji tat-TAP files, li jindikaw il-ħinijiet u n-numri tat-telefonati minn fejn ikunu saru.  
It-talba tagħha tinkludi li l-operaturi jagħtu n-numri kollha li Cardona għamel kuntatt magħhom, kemm b’telefonati u SMS, fit-30 ta’ Jannar f’ħinijiet partikolari.
Caruana Galizia talbet li din it-talba tintlaqa’ b’mod urġenti minħabba li t-TAP Files jinżammu sa massimu ta’ sitt xhur.
Intant il-ġurnalista Caruana Galizia naqset milli titla’ l-Qorti dalgħodu hekk kif kompla jistema’ l-każ ta’ libell li kien fetaħ il-Ministru Cardona.
“DCG taħrab fil-mument tal-prova” – PL
F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li fl-ewwel opportunità tagħha biex fil-Qorti “tipprova l-allegazzjonijiet infondati li għamlet fil-konfront tal-Ministru Cardona u ta’ Dr Joe Gerada, il-ġurnalista għażlet li ma tidhirx”.
Qal li dan ikompli jikkonferma kemm Caruana Galizia tippubblika stejjer mingħajr ma’ tivverifika l-fatti, tant li ressqet rikors biex tipprova tibda tiġbor l-informazzjoni.
Il-PL temm jgħid li din hija strateġija simili għal dak li qed tippubblika fil-konfront tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu, fejn wara l-allegazzjonijiet, għamlet talba pubblika għall-informazzjoni u “qed tirrifjuta li tikkopera mal-Maġistrat inkwerenti”.