Daphne tgħid li se tiżvela ta’ min hi Egrant, Keith Schembri u Konrad Mizzi jheddu b’libell

Iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Bla Portafoll Konrad Mizzi qalu li se jiftħu libell lil Daphne Caruana Galizia nhar it-Tnejn li ġej.
Dan wara li f’artiklu li tellgħet illum, il-ġurnalista qalet li l-ġimgħa d-dieħla se tiżvela ta’ min hi Egrant Inc, it-tielet kumpanija fil-Panama, minbarra dik tal-Ministru bla Portafoll Konrad Mizzi u l-oħra ta’ Keith Schembri. Mal-artiklu, Caruana Galizia tellgħet ritratt li juri lil mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.
DCG tgħid li għandha informazzjoni dwar trasferiment ta’ somom kbar ta’ flus minn kont bankarju ta’ PEP fl-Azerbaijan għat-3 kumpaniji
Kitbet ukoll li l-Għid mhux żmien tajjeb għall-Prim Ministru, Schembri u Mizzi. Semmiet li għandha wkoll informazzjoni dwar trasferimenti ta’ somom kbar ta’ flus minn kont bankarju ta’ politically exposed persons fl-Azerbaijan għal kontijiet bankarji li għandhom it-tliet kumpaniji – Egrant, Hearnville (ta’ Konrad Mizzi) u Tillgate (ta’ Keith Schembri). Kompliet tgħid li għat-trasferimenti tal-flus, intuża bank Malti, li twaqqaf wara l-2013, 
Fi tweet li xxerrdet ukoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat, Schembri qal li dan hu kollu gideb u li l-ġimgħa d-dieħla Caruana Galizia se jkollha taffaċċja libell ieħor.Sadanittant fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, Keith Schembri qal li l-libell se jiftħu dwar dawk li sejjaħ allegazzjonijiet fabbrikati li qed terġa’ tagħmel fil-konfront tiegħu.
“Se nitlob lill-Qorti biex jisma’ l-libell b’urġenza” – Keith Schembri
Schembri żied jgħid li jiċħad l-istorja li qed ixxerred fl-intier tagħha. Saħaq li se jitlob lill-Qorti biex tisma’ dan il-libell b’urġenza biex jinqata’ fl-iqsar żmien.
Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru qal ukoll li jekk hi tant ċerta ta’ dak li qed tgħid, għandha hi stess taqbel mal-urġenza, biex il-provi ta’ dak li qed tgħid tkun tista’ tressaqhom malajr fil-Qorti.
Sostna li min jagħmel allegazzjonijiet għandu d-dmir jissostanzjahom.
“Hearnville qatt ma kellha kont bankarju” – Konrad Mizzi
Ftit minuti wara, fi stqarrija separata, il-Ministru Konrad Mizzi ċaħad ukoll l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia,  dwar it-trasferiment ta’ somom kbar ta’ flus minn kontijiet fl-Azerbaijan f’Hearnville u l-kumpaniji l-oħra.
Dwar dak li kitbet il-ġurnalista, li hu żar il-bank Pilatus f’Ta’ Xbiex f’Settembru 2015, Mizzi stqarr li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz.
Żied jgħid li l-kumpanija Hearnville qatt ma kellha kont bankarju.