“DCG għamlet l-għedewwa għax investigat il-korruzzjoni” – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia dejjem investigat il-korruzzjoni. Saħaq li għamlet l-għedewwa għax investigat il-korruzzjoni kif ukoll l-arroganza ta' dawk li ma jirrispettawx id-demokrazija. 
Waqt li kien qed jiġi intervistat mir-radju tal-Vatikan, Mons. Scicluna sostna li l-Maltin kburin bil-valuri demokratiċi tagħhom, u li f’dan il-mument il-pajjiż irid jingħaqad biex jiddefendihom.
“Irridu naħdmu flimkien mhux biss biex insibu u nressqu lil dawk li qatlu lil Daphne Caruana Galizia, iżda wkoll biex nippromwovu demokrazija mwieżna fuq it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-ġid komuni”, enfasizza l-Arċisqof.
Madanakollu saħaq li issa mhuwiex iż-żmien li noqogħdu nwaħħlu f’xulxin, iżda li nsaħħu d-djalogu u d-dinjità ta’ kulħadd.
Temm jappella lill-ġurnalisti Maltin biex qatt ma jinżlu għarkupptejhom quddiem il-poter, u ma jibżgħux milli jiddefendu lill-verità u jservu lill-poplu.
KORREZZJONI: Bi żvista l-verżjoni oriġinali, kienet tgħid li l-Arċisqof qal li DCG niggżet nies korrotti, meta fil-fatt qal li din dejjem investigat il-korruzzjoni. 
Ritratt: Arkivji