DBRS tikkonferma rating ‘A’ għal Malta, iżda tibqa’ mħassba fuq l-ambjent politiku

Read in English.

L-aġenzija DBRS Morningstar ikkonfermat ir-rating ta’ A (high) bi prospetti stabbli għal Malta, iżda wissiet li għad hemm tħassib dwar riskji reputazzjonali u l-bżonn li tissaħħaħ il-governanza tajba.

Filfatt, minkejja r-rating pożittiv, tat klassifikazzjoni negattiva fejn jidħol l-ambjent politiku ta’ Malta, kif ukoll il-policy monetarja u l-istabbiltà finanzjarja tagħha.

Fir-rapport tagħha, DBRS qalet li r-rating jirrifletti l-opinjoni tagħha li r-riskji għal Malta baqgħu bilanċjati minkejja l-pandemija tal-Covid-19. Il-pandemija xorta waħda qed taffettwa l-ekonomija b’mod konsiderevoli, però, u l-aġenzija żiedet li l-imxija tagħha żżid l-inċertezza fuq kif se jirpilja s-settur tat-turiżmu.

Innutat li l-pandemija wasslet għal defiċit qawwi wara snin ta’ surplus, però żiedet li tistenna li fi żmien ftit snin, il-gvern jerġa’ jsaħħaħ il-pożizzjoni fiskali tiegħu. Filwaqt li d-dejn nazzjonali wkoll qed jiżdied b’mod konsiderevoli, dan baqa’ f’livelli pjuttost moderati.

Però DBRS żiedet li l-assessjar li Moneyval mistennija tagħmel għal mod kif Malta tiġġieled il-ħasil ta’ flus jibqa’ sors ta’ tħassib. Filwaqt li rrikonoxxiet li l-awtoritajiet Maltin għamlu serje ta’ riformi ambizzjużi, ma eskludietx li dawn ma jiġux meqjusa biżżejjed biex tindirizza n-nuqqasijiet eżistenti. B’hekk, minkejja r-rating għoli li tat lil Malta, DBRS assessjat il-policy monetarja u l-istabbiltà finanzjarja ta’ Malta b’mod negattiv.

DBRS innutat ukoll li Malta għandha bżonn tkompli ssaħħaħ l-istituzzjonijiet u l-governanza, li spiċċaw taħt skrutinju akbar wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minkejja r-riformi li qed isiru, l-aġenzija ikkonkludiet li hemm bżonn aktar x’isir.

Il-gvern jilqa’ r-rating

Fir-reazzjoni tiegħu, il-Ministeru għall-Finanzi laqa’ r-rating ta’ DBRS, għalkemm żamm lura milli jikkummenta fuq il-punteġġ negattiv li Malta rċeviet f’ċertu setturi.

Il-ministeru nnota biss li ntlaqgħu “ir-riformi leġiżlattivi mwettqa mill-amministrazzjoni l-ġdida.”

Il-Ministru Clyde Caruana qal li r-rating kien konferma “li l-gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela injetta impetu ġdid għar-riformi finanzjarji u ġudizzjarji li qed jitwettqu f’pajjżna.” Żied li l-gvern se jkompli jimplimenta l-bidliet meħtieġa biex isaħħaħ l-oqfsa finanzjarji u ekonomiċi ta’ pajjiżna u se ikompli jibni fuq ir-riformi ġudizzjarji li diġà nbdew.