DBRS tikkonferma r-rating ta’ “A” għal Malta bi prospett stabbli

L-aġenzija internazzjonali DBRS ikkonfermat ir-rating ta’ Malta bħala ‘A High’ u rata medja ta’ R-1 fil-futur bi prospett stabbli. DBRS qalet li l-ekonomija Maltija hija fost dawk li rreġistraw l-aqwa rata ta’ tkabbir mill-pajjiżi taż-żona Ewro meta telgħet għal 6.4%.

Ir-rapport ta’ DBRS jgħid li l-indikaturi tal-governanza tajba jqiegħdu lil Malta fost il-pajjiżi li jaqgħu fil-kappa perċentwali tal-ewwel 25%. Fl-istess waqt, issemmi li r-rating ta’ Malta fejn tidħol il-liġi tad-dritt kompla nieżel mill-2007 lil hawn.

DBRS taċċenna għal allegati nuqqasijiet min-naħa ta’ Malta dwar it-twettiq tad-direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fosthom b’rabta ma’ Pilatus Bank, u ssemmi kif il-Gvern ippreżenta sensiela ta’ inizjattivi strateġiċi biex isaħħaħ il-qafas regolatorju kontra l-ħasil tal-flus li se jidħlu fis-seħħ sal-2020. Taċċenna wkoll għar-riżultati tal-inkjesta tal-Egrant li qalet ma sabet l-ebda evidenza ta’ prattiċi ta’korruzzjoni.

DBRS tirreferi għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, għaż-żidiet fit-taxxi u t-tkabbir ekonomiku li tgħid kollha wasslu għal surplus fiskali ta’ 3.9% tal-Prodott Gross Domestiku. Fl-istess waqt qalet li d-dejn tal-Gvern naqas b’5.5%.

Filwaqt li qalet li qed tistenna li l-ekonomija Maltija se tibqa’ b’saħħitha, DBRS tistenna wkoll tnaqqis bil-mod minħabba riskji marbuta ma’ setturi esterni.

Ir-rapport tad-DBRS jitkellem dwar l-isfidi li Malta mistennija tiffaċċja fosthom settur finanzjarju konċentrat u spejjeż oħra marbuta mal-finanzi pubbliċi. Jingħad li minħabba li l-ekonomija Maltija tiddependi fuq turiżmu, dan jesponiha għal żvilupp esterni. Dwar il-garanziji miftuħa tal-Gvern, DBRS tgħid li għalkemm niżlu fil-peresentaġġ, xorta waħda jibqgħu għoljin.

Issemmi kif bidliet fit-taxxi għall-kumpaniji jista’ jkollu effett sproporzjonat fuq Malta u tirreferi għal-prezzijiet tal-propjetà li qalet żdiedu b’medja ta’ 5.2%.

“DBRS mhijiex inkwetata dwar is-settur bankarju f’Malta” – Gvern

Intant b’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Gvern qal li d-DBRS hija t-tieni aġenzija fi żmien ftit ġimgħat li kkonfermat rating pożittiv għal pajjiżna. Il-Gvern argumenta li għall-kuntrarju tal-Oppożizzjoni, DBRS mhijiex inkwetata dwar is-settur bankarju Malti jew dwar il-prezzijiet tal-propjetà.

Ir-rapport ta’ DBRS ġie deskritt mill-Gvern bħala “ċertifikat pożittiv ieħor” għar-riformi li qed jieħu biex itejjeb il-qagħda ekonomika u soċjali tal-pajjiż.

“DBRS jinnota l-ħidma ta’ Malta kontra l-ħasil tal-flus” – Ministeru tal-Finanzi

Intant ukoll, il-Ministeru tal-Finanzi qal li b’sodisfazzjon jinnota wkoll dan ir-rating tant mistħoqq għall-ekonomija Maltija. Qal li jara bi pjaċir il-fatt li fl-analiżi tagħha dwar Malta, DBRS ikkunsidrat ukoll l-istrateġija ta’ Malta fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Rapport-tad-DBRS-dwar-Malta-Awwissu-2018