DB ifarfar mir-riskju f’Malta – ekonomisti

Read in English.

Żewġ ekonomisti Maltin qalu li l-aħbar li Deutsche Bank se jwaqqaf is-servizz tad-dollaru f’Malta hija marbuta ma’ riskju li l-bank mhux se jieħu aktar.

L-eks Gvernatur tal-Bank Ċentrali Francis J. Vassallo qal li din l-aħbar hija “serja ħafna” u attribwixxa din id-deċiżjoni mar-reputazzjoni li qed jieħu s-settur finanzjarju Malti. Dan filwaqt li d-Direttur tal-Misco Lawrence Zammit qal li jekk bank lest jikkunsidra riskju, mhux se joħroġ għonqu għal pajjiż żgħir.

Il-gazzetta The Times of Malta rrappurtat kif huwa mifhum li l-bank se jieqaf joffri servizzi bankarji bħala correspondent bank fil-muniti kollha sal-aħħar ta’ Diċembru.

F’intervista qasira ma’ Newsbook.com.mt, Vassallo qal li hemm riskju li mhux qed jiġi indirizzat. Fisser kif l-awtorità regolatorja mhix biss l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) iżda hija wkoll l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU). Saħaq li rapporti tal-Kunsill tal-Ewropa li juru li “m’għadx fadal dik is-serjetà li kien hawn qabel” wasslu biex id-Deutsche Bank iwaqqaf is-servizzi tiegħu f’Malta.

Stqarr li għalkemm nitkellmu fuq skandlu, mhu qed isir xejn biex jitranġaw l-iżballji, “m’hemmx atteġjament”, ikkonkluda Vassallo.

“Jidher li ħafna nies jagħlqu għajnejhom” – Francis J. Vassallo

Francis Vassallo kellu kliem iebes fil-konfront tal-awtoritajiet f’Malta. Qal li “jidher li ħafna nies jagħlqu għajnejhom” għar-rapporti li jikkritikaw lil Malta u qal li mhix tittieħed azzjoni. Sostna li dawn huma kollha rapport negattivi fuq is-sistema bankarja Maltija.

Fl-intervista, Vassallo spjega li l-correspondent banks huma important ħafna perss li s-servizzi finanzjarji f’Malta huma internazzjonali u regolarment isiru transazzjonijiet fid-dollaru. Qal li jekk ikun il-każ li l-correspondent banks f’Malta jagħlqu kollha, is-servizzi finanzjarji lanqas ikunu jistgħu jaħdmu. Fisser li dan mhux l-ewwel bank li qed jirtira minn Malta u semma wkoll il-każ tal-bank ING.

“Riskju marbut maċ-ċokon ta’ Malta” – Lawrence Zammit

Min-naħa l-oħra, Lawrence Zammit speċifika li d-deċiżjoni ta’ Deutsche Bank hija relatata maċ-ċokon ta’ Malta. Fisser kif Malta ma tagħtix biżżejjed attività li tiġġustifika r-riskju li kwalunkwe bank jieħu meta jagħmel dawn it-tipi ta’ transazzjonijiet.

Kompla jispjega li dan b’kuntrarju għall-pajjiżi oħrajn li għandhom setturi finanzjarji ikbar minn ta’ Malta u b’hekk il-bank ikun jista’ jiġġustifika r-riskju permezz ta’ profitti akbar.

Xi jfisser correspondent bank?

Correspondent bank huwa bank li joffri servizzi ta’ transazzjonijiet fid-dollaru ma’ banek lokali.

Meta importatur Malti jixtri prodotti mill-Amerika jkun irid iħallas bid-dollaru. Billi Malta nużaw l-Ewro, l-importatur juża bank lokali biex jaqleb il-flus mill-Ewro għad-Dollaru Amerikan. Biex issir din it-transazzjoni, banek lokali jkollhom bżonn correspondent bank biex jagħmlu transazzjonijiet fid-dollaru.

Jekk banek bħal Deutsche Bank jieqfu joffru dan is-servizz f’Malta, transazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux isiru.