“Dawn tfal Ewropej” – il-Patrijotti; NGOs ma jikkummentawx

Il-Mexxej tal-Moviment Patrijotti Maltin (MPM), Henry Battistino, iddeskriva lill-membri tas-C-star, imlaqqam ukoll "bastiment tal-mibegħda" bħala ‘tfal Ewropej’ u sostna li l-awtoritajiet Maltin kienu irresponsabbli meta ma tawhomx lanqas x’jixorbu.
Skont Battistino l-kawża ewlenija għal dan l-aġir tal-awtoritajiet huwa l-liberaliżmu li skontu fena lill-Ewropa, u li anki l-Knisja f’Malta daħlet fih.
Dan il-bastiment, ikkummissjonat minn grupp tal-lemin estrem, intbagħat fil-Mediterran biex iwaqqaf l-immigrazzjoni. Il-missjoni ssemmiet Defend Europe mill-grupp Generation Identity.
Il-ġimgħa l-oħra dal-bastiment ma tħalliex jidħol fl-ibħra Maltin, wara li l-missjoni tiegħu kienet lesta u kellu bżonn xi provvisti.
Persuni mill-Moviment Patrijotti Maltin għenu minn jeddhom lill-persuni abbord billi ħadulhom dak li kellhom bżonn. Fi stqarrija mingħand l-MPM intqal li llum il-grupp irnexxielu jwassal il-provvisti kollha meħtieġa lis-C-star.
Filwaqt li ddeskriva lil dawn it-‘tfal’ bħala edukati u onesti, Battistino qal li ebda wieħed minnhom qatt ma kiser il-liġi, u dan biex isaħħaħ il-kumment tiegħu li Malta messha għenithom.
Din tal-immigrazzjoni hija ‘racket’, hemm kriminalità sħiħa warajha”
Il-Mexxej tal-MPM irrepeta kemm-il darba ma’ Newsbook.com.mt li, skontu, xi NGOs qed ikunu miftehma mat-traffikanti sabiex joħdulhom l-immigranti.
Semma s-Sea Eye, bastiment ta’ NGO Ġermaniża li jsalva l-migranti li jkunu f’diffikultà fil-baħar barra x-xtut tal-Afrika ta’ Fuq.
Battistino qal li dan mhux għajnuna umanitarja qed jagħti, iżda qed jaffaċċja akkużi fil-Qrati Taljani dwar allegat ftehim mat-traffikanti tad-droga.
Il-mexxej tal-MPM temm jgħid li l-Gvern Malti ħalla lil dal-bastiment jidħol u lil dawn ‘it-tfal Ewropej’ ma ħallihomx.
Newsbook.com.mt ipprova jikkuntattja kemm-il darba lill-Fondazzjoni Aditus, lill-Jesuit Refugee Services (JRS) u l-Fondazzjoni Integra għar-reazzjoni tagħhom, u minkejja li wegħduna kumment, sal-ħin tal-kitba għadu ma wasalx.
Fl-ewwel ritratt: il-bastiment C-star ta' Defend Europe
Fit-tieni ritratt: membri u volontiera tal-Moviment Patrijotti Maltin b'xi provvisti għall-bastiment