Dawn mhux tajbin għar-riċiklaġġ!

Read in English.

Ir-riċiklaġġ huwa tajjeb. Imma mhux kull ħaġa li naħsbu li hi tajba għar-riċiklaġġ fil-fatt tkun tajba biex nitfgħuha f’dik il-borża maħsuba għar-riċiklaġġ. Hawn taħt għandkom 11-il oġġett li qatt m’għandhom jintefgħu fil-borża tar-riċiklaġġ.

1. Boroż tal-plastik. Il-problema bil-boroż rotob tal-plastik hija li dawn jiġġamjaw lill-makkinarju tar-riċiklaġġ u jnaqqsu mill-ħeffa tal-makni jew inkella jitieħed il-ħin biex jitneħħew bl-idejn.

2. Kaxxi tal-pizza. Jekk dawn ikunu mċappsin bl-ikel jew imtebba’ biż-żejt dawn għandhom jitpoġġew fil-borża s-sewda. Jekk ikollhom il-qiegħ miksi bil-plastik għandhom jitpoġġew ukoll f’dik il-borża. Anki n-napkins jew il-paper towels użati mhux tajbin għar-riċiklaġġ.

3. Wrapping tar-rigali. Karti jleqqu, metalliċi u żigarelli dekorattivi mhumiex riċiklabbli. L-istess dawk il-kartolini jleqqu. Għalhekk aħjar tuża karti tal-gazzetti jew boroż tal-karti biex tgeżwer ir-rigali fihom. Biex tara jekk karta tar-rigali hix tajba għar-riċiklaġġ kulma trid tagħmel hu li tgħaffiha f’ballun. Jekk tibqa’  mgħaffġa tajba għar-riċiklaġġ. Jekk le, postha hu fil-borża s-sewda.

4. Biċċiet żgħar tal-metall. Għalkemm teknikament biċċiet tal-metall bħal dawk tal-bottijiet tal-luminati u l-birra huma riċiklabbli, minħabba ċ-ċokon tagħhom jistgħu jiġġamjaw il-makkinarju. L-aħjar ikun li titfagħhom lura fil-bott vojt qabel tagħmilhom fil-borża tar-riċiklaċċ.

5. Irċevuti mill-ħwienet. Dawn il-karti mill-cash registers fihom il-kimika Bisphenol A. Meta dawn il-karti jkunu proċessati mal-karti l-oħra din il-kimika tikkontamina l-kumplament tal-karti li jkunu jinħadmu dak il-ħin.

6. Fdalijiet tal-ikel. Titfax kontenituri bi fdalijiet tal-ikel fil-borża tar-riċiklaġġ. Dawn l-kontenituri għadhom jitnaddfu jew jitlaħilħu. Dejjem.

7. Biċċiet tax-xaqquf, ċeramika, eċċ. Dawn LE kbira. Kif ukoll biċċiet ta’ mirja, bozoz tal-elettriku, kikkri, tazzi tal-inbid u pyrex.

8. Il-ħrieqi. Kemm jekk nodfa, u aktar u aktar jekk maħmuġin, dawn posthom huwa fil-borża s-sewda. Dan jgħodd ukoll għall-prodotti sanitarji l-oħra.

9. Karti mqattgħa rqiq. Dokumenti jew karti li jitqattgħu f’biċċiet żgħar itellfu l-makkinarju meta jkunu qed jiġu riċiklati. Iżda l-aħbar tajba hi dawn it-tip ta’ karti jridu jitpoġġew miġburin kollha f’borża tal-karti u mbagħad jitpoġġew fil-borża tar-riċiklaġġ.

10. Tazzi tal-kafè. Bosta mit-tazza tal-kafè jkunu miksija b’film tal-plastik biex iżommu l-likwidu. Dawn huma diffiċli biex ikunu riċiklati. Iżda l-karta li jagħtuk biex ma taħraqx idejk waqt li żżomm it-tazza f’idejk hi tajba għar-riċiklaġġ!

11. Kaxxi tal-kartun. Dawk il-kaxxi tal-kartun għall-freezer għandhom il-plastik fihom biex jipproteġu l-ikel waqt il-friża. Dan il-plastik ma jħallix il-kartun ikun riċiklat tajjeb fil-proċess tar-riċiklaġġ. Dan jgħodd ukoll għall-kontenituri tal-ġelati.