It-18-il emenda ewlenija fl-Abbozz dwar il-Midja u l-Malafama

Il-Gvern ippropona 18-il bidla ewlenija fl-abbozz dwar il-midja u l-malafama, li skont il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, se jagħtu libertajiet bla preċedent lill-ġurnalisti f’Malta.
Fil-mozzjoni li tressqet ilbiraħtlula mill-Oppożizzjoni, din talbet  li ssir emenda fil-liġi biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lill-midja lokali milli jkollhom jiffaċċjaw kawżi fi Qrati barranin li jistgħu jwasslu għar-rovina finanzjarja tagħhom permezz ta’ kawżi magħrufa bħala SLAPP – Strategic Lawsuits Against Public Participation.
Madankollu Bonnici qal li dawn l-emendi ma setgħux isiru għax imorru kontra regoli tal-Unjoni Ewropea (UE).
“Dwar il-proposti tal-Oppożizzjoni dwar l-infurzar ta’ sentenzi miksuba f’pajjiżi esteri, il-Ministru fakkar kif il-Gvern kiseb erba’ pariri differenti minn esperti legali ewlenin fis-settur – liema pariri ġew ippubblikati mill-ewwel – li sostnew li l-proposti tal-Oppożizzjoni għandhom difetti legali kbar ħafna”, qal il-Ministru fi stqarrija.
Dawn huma t-18-il emenda ewlenin, li hemm oħrajn fosthom:

  1. Biex kliem jitqies bħala libelluż irid ikun kliem li jikkawża jew li x’aktarx jikkawża ħsara serja lir-reputazzjoni tal-persuna. Dan jiskoraġġixxi l-kawżi dwar libell jew inġurja fuq stqarrijiet mhux tant ta’ konsegwenzi gravi għar-reputazzjoni;
  2. Id-difiżi fl-azzjonijiet dwar libell qegħdin jiġu msaħħa biex jiġu aġġornati skont l-aħħar ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fl-istess ħin se tkompli tiġi protetta l-privatezza ta’ individwi privati. Din il-protezzjoni ma testendix għall-figuri pubbliċi fejn dak li jingħad ikollu rilevanza sinjifikanti fuq it-twettiq tal-funzjonijiet pubbliċi tal-individwu;
  3. Il-lista ta’ pubblikazzjonijiet li jirrapportaw dwar avvenimenti li huwa fl-interess pubbliku li l-pubbliku jkun mgħarraf dwarhom, u li huma għalhekk se jgawdu minn iktar libertajiet, se tiġi estiża;
  4. Ir-reati kriminali kollha se jitneħħew mil-liġi dwar il-midja u l-ftit li se jinżammu se jiġu ttrasportati fil-Kodiċi Kriminali. Fil-fatt lista sħiħa ta’ reati fil-Kodiċi Kriminali li jinċidu fuq il-libertà tal-espressjoni se jiġu mneħħija;
  5. L-ammont ta’ danni li jista’ jingħata f’kawża ta’ libell se jibqa’ l-istess kif stabbilit illum fl-Att dwar l-Istampa (EUR 11,640);
  6. Il-malafama li ssir bil-kliem u mhux bil-pubblikazzjoni mhux se tibqa’ reat kriminali iżda se tkun tagħti lok għal azzjoni ċivili fejn l-ammont massimu ta’ danni li jista’ jingħata huwa ta’ EUR 5000;
  7. Fis-smigħ tal-kawżi ta’ libell u inġurja se jiġu inkorraġġuti l-mezzi alternattivi ta’ tmiem u transazzjoni ta’ argumenti bħal ma huma f’dawn il-każijiet l-medjazzjoni;
  8. Fl-iffissar tad-danni l-Qorti se tkun obbligata wkoll li tqis l-effett illi dak il-ħlas tad-danni jkollu fuq il-persuna li se tkun ordnata tħallas. Dan biex tiġi ssalvagwardjata aħjar il-proporzjonalità fil-qasam tal-midja;
  9. L-edituri ta’ siti elettroniċi se jkollhom difiżi addizzjonali għal dawk tal-edituri tal-istampa miktuba jew tax-xandir minħabba n-natura speċifika tas-siti li jilqgħu kummenti mill-pubbliku;
  10. Meta stqarrija tkun diġà ġiet ippubblikata jew meta l-istess stqarrija tiġi ppubblikata ħafna drabi se japplikaw regoli partikolari dwar il-preskrizzjoni u l-azzjoni kumulattiva;
  11. Id-dritt għar-risposta se jibqa’ iżda n-nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dritt se jagħti lok għal rimedju ċivili u mhux għal rimedju kriminali;
  12. Se jidħol artiklu ġdid dwar il-malafama ta’ persuni mejta li jkollha effett fuq persuni li jkunu għadhom ħajjin;
  13. Ir-reġistrazzjoni tal-edituri u l-pubblikaturi se tkun fuq bażi volontarja u mhijiex se tapplika għall-edituri u pubblikaturi ta’ siti elettroniċi. Se jkun hemm ukoll il-possibilità li r-Reġistru tal-Midja jitmexxa mill-midja stess;
  14. Minħabba s-sensittività tal-liġijiet dwar il-midja, ir-regolamenti li jsiru taħt din il-liġi se jkun jinħtieġ illi jiġu approvati b’ riżoluzzjoni tal-Parlament qabel ma jidħlu fis-seħħ;
  15. Il-protezzjoni tas-sorsi tal-informazzjoni se tkun tapplika għal kull editur, pubblikatur, awtur jew operatur ta’ sit elettroniku jew ta’ xandir;
  16. Il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili se jiġi emendat biex ma jkunux jistgħu jinħarġu ebda tip ta’ mandati kawtelatorji f’kawżi ta’ libell;
  17. L-Att biex jirregola l-Kommunikazzjonijiet Elettroniċi se jkun emendat biex kliem sempliċement malafamanti li jkun intwera jew ġie mitkellem fuq sit elettroniku u li dwaru tkun tista’ tittieħed azzjoni taħt l-Att dwar il-Midja u l-Malafama ma jkunx jikostitwixxi reat kontra dak l-Att;
  18. Il-kawżi ta’ libell kriminali li jkunu pendenti fiż-żmien meta l-liġi l-ġdida tidħol fis-seħħ se jispiċċaw.

L-abbozz tal-liġi mistenni jidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin.