Dawl iġġenerat mix-xemx f’50 slipway

Dawl iġġenerat mix-xemx f’50 slipway Michael Farrugia
DOI

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia ħabbar li ġew identifikati 50 slipway madwar Malta li għandhom bżonn jiddawlu. Għalhekk beda proġett biex jiġu installati solar lightings, dwal li jitħaddmu bl-enerġija rinnovabbli f’dawn l-islipways bi spiża ta’ madwar €150,000. Dan il-proġett se jibda fil-ġimgħat li ġejjin wara li ddaħħlet l-ewwel applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Dan tħabbar waqt żjara fuq ix-xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ pannelli fuq il-bejt ta’ waħda mill-għaqdiet li bbenefikat mill-ewwel sejħa għall-għaqdiet biex jinstallaw pannelli fotovoltajiċi fuq il-bjut tagħhom. Aktar għaqdiet volontarji se jkunu qed jibbenefikaw minn kontijiet orħos tal-elettriku.

F’Awwissu li għadda nfetħet it-tieni sejħa ta’ din l-iskema li għalqet fl-aħħar ta’ Ottubru. B’kollox intlaqgħu 22 applikazzjoni li se jkunu qed jiġu evalwati biex eventwalment jiġu ffirmati l-kuntratti biex jinbeda x-xogħol.

Il-Ministru Farrugia fakkar li Malta trid tilħaq l-10% tad-domanda għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli sa tmiem din is-sena.