Dawl fuq il-mod kif tfassal Il-Ħarsa ta’ Rużann

Mil-lum is-Sibt 16 ta’ Mejju fil-4.45pm TVM se jerġa’ jxandar is-sensiela Il-Ħarsa ta’ Rużann ta’ Francis Ebejer.

L-ewwel episodju hu wieħed introduttorju għas-sensiela. Fih jidhru siltiet mill-episodji ġejjiena u kummenti dwar il-produzzjoni u l-awtur minn diversi esperti fil-qasam tal-letteratura Maltija. Jidhru jikkummentaw ukoll il-producers u d-direttur ta’ dan ir-rumanz xeneġġjat. Dan l-ewwel episodju jixħet dawl fuq il-mod kif tfasslet din is-sensiela u dwar il-karattri ewlenin tal-istorja.

Il-Ħarsa ta’ Rużann hu l-uniku rumanz ta’ Francis Ebejer miktub bil-Malti, ippublikat l-ewwel darba mill-KKM fl-1985. Il-produzzjoni tas-sensiela televiżiva, b’addattament u direzzjoni ta’ Albert Marshall, hi ta’ Horizons.

Francis Ebejer hu meqjus, u bir-raġun, wieħed mill-aqwa kittieba Maltin kemm fil-qasam teatrali u kemm fin-narrattiva. Hu biddel id-direzzjoni tal-letteratura tagħna.

Albert Marshall kien fidil sew lejn it-test oriġinali li wara kollox hu magħżul bħala test għall-istudenti tal-aħħar sentejn tas-sekondarja, imma kif jistqarr hu stess fl-ewwel programm li se jixxandar illum, hu qalleb u tkixxef dak li jissejaħ “is-sottotest” tar-rumanz. Dak li ngħidulu “reading between the lines,” li taqra bejn il-linji dak li ma jintqalx b’mod dirett, viżwalment joħroġ fid-deher. Xi drabi mqar minn frażi waħda, minn riflessjoni ta’ Ebejer, għaraf joħroġ xena, djalogu u jibni l-ambjent soċjali raħli u edukattiv li ried iwassal Ebejer.

Anton Farrugia, Anthony Ellul, Anna Bassily, Narcy Calamatta, Antonella Galea Loffreda, Christine Micallef, Karen Magro, Michael Sciortino u Sarah Lee Zammit huma fost dawk li jieħdu sehem f’din il-produzzjoni.

Min kien Francis Ebejer

Francis Ebejer twieled Ħad-Dingli fit-28 ta’ Awwissu 1928. Ommu u missieru kienu t-tnejn ġejjin minn familji tal-bdiewa iżda kellhom tagħlim biżżejjed biex saru għalliema u missieru saħansitra kap ta’ skola. Missieru kien aktar imxaqleb lejn ideat kolonjali Inglizi, tant li kien ħa sehem fil-kwistjoni politika-religjuza tat-tletinijiet. Imma ommu kienet aktar imsaħħra mill-kultura Taljana, “la bella Italia.”

Ħakem minn tfulitu mhux biss il-Malti tar-raħal imma wkoll Ingliz tajjeb u Taljan mirqum. Dan il-bidu tiegħu għamlu l-awtur (nasal biex ngħid ukoll il-bniedem) kalejdoskopiku, ta’ lwien u stili differenti, qatt repetittiv imma dejjem iġedded f’kitbietu t-temi soċjali, umani, u storiċi li rabat ismu magħhom.