​Dawk miżmuma bid-droga fl-ajruport kważi kollha barranin

Il-parti l-kbira tal-qabdiet ta’ droga fuq persuni li jkunu deħlin Malta bl-ajru saru fuq persuni barranin.
Fl-aħħar sentejn, minn fost 76 persuna miżmuma fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minħabba pussess ta’ droga, 2 biss kienu Maltin.
Il-parti l-kbira tal-barranin kienu ġejjin minn pajjiż Ewropew. Fil-fatt, 11 biss fis-sentejn li għaddew kienu ġejjin minn pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn informazzjoni li l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-Parlament ilbieraħ bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Joħroġ ukoll li waqt li fl-2013 kien hemm 8 persuni barranin li nqabdu jippruvaw idaħħlu kwantità ta’ kokaina u pilloli tal-ecstasy, u s-sena li għaddiet kien hemm persuna waħda barranija li ppruvat iddaħħal kokaina f’Malta, il-bqija tal-persuni maqbuda kienu qed jippruvaw idaħħlu kwantità ta’ droga khat.
Skont l-istess informazzjoni, il-valur tas-suq ta’ din id-droga mhux magħruf minħabba li din hi sustanza użata minn ċittadini Afrikani.
Fl-2013, il-persuni li ppruvaw idaħħlu l-khat f’Malta kienu 42 waqt li s-sena li għaddiet dawn kienu 25.
Il-valur tipiku tad-droga li nqabdet tiddaħħal bl-ajru kienet ta’ €135,490 għall-kokaina u €480,000 għall-ecstasy