Read in English.
“It-tobba, infermiera u saċerdoti li jirriskjaw ħajjithom jgħinu l-vittmi tal-coronavirus huma l-qaddisin il-ġodda.”
Dan qalu l-Papa Franġisku f’Quddiesa speċjali li l-Papa ppresieda fil-Bażilika ta’ San Pietru li għal darb’oħra kienet vojta min-nies.
Il-Papa faħħar lit-tobba, l-infermiera u s-saċerdoti li jirriskjaw ħajjithom jgħinu lill-vittmi tal-coronavirus u sejħilhom qaddisin.
Il-Quddiesa, li tfakkar l-Aħħar Ċena ta’ Ġesù mal-appostli tiegħu fil-lejl ta’ qabel ma miet, normalment jkollha l-attendenza ta madwar 10,000 persuna, inklużi kardinali, isqfijiet u fidili ordinarji, li jimlew il-bażilika.
Minħabba r-restrizzjonijiet tal-coronavirus, il-quddiesa saret minn artal sekondarju wara dak prinċipali li l-Papa normalment juża.
Is-servizz ixxandar dirett fuq it-televiżjoni u fuq l-internet, li sar il-mod normali ġdid li jintuża fis-servizzi tal-Għid.
Anke ir-ritwal tradizzjonali tal-ħasil tas-saqajn, li jikkommemora l-ġest ta’ umiltà ta’ Ġesù lejn l-appostli tiegħu, ġie eliminat.
Fl-omelija, il-Papa Franġisku faħħar lil dawk, inklużi s-saċerdoti, li qal li qed jirriskjaw ħajjithom biex jgħinu lill-vittmi tal-coronavirus.
Huwa qal li aktar minn 60 (saċerdoti) mietu fl-Italja waqt li jieħdu ħsieb il-morda, fl-isptarijiet. “Flimkien mat-tobba u l-infermiera, huma l-qaddisin li jmiss.”
Iktar minn 18,000 persuna mietu bil-coronavirus fl-Italja, l-ogħla rata ta’ mwiet f’pajjiż partikolari fid-dinja. L-għadd ta’ każijiet ikkonfermati laħqu l-143,000, it-tielet l-ogħla livell globali wara dawk tal-Istati Uniti u ta’ Spanja.
Aktar minn 100 mejta fl-Italja kienu tobba.