“Dawk li jistupraw mara għandhom iħallsu l-manteniment” – PD

Il-Partit Demokratiku qal li dawk li jistupraw mara għandhom iħallsu l-manteniment tat-tfal, imma ma jkollhom ebda dritt li jarawhom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia nieda konsultazzjoni pubblika dwar private members bill li se jiffoka fuq il-vittmi ta’ stupru u kif jistgħu jtejbu ħajjithom.
Dr Farrugia qal li minkejja dawk li jistupraw ikollhom jiffaċċjaw riperkussjonijiet kriminali, hemm vakum fil-Kodiċi Ċivili li trid tiġi indirizzata.
Saħaq li l-PD jemmen li t-tfal li ġejjin minn stupru għandhom ikollhom dritt għall-wirt tar-raġel li stupra lil ommhom. Madankollu ma għandhomx ikunu obbligati jmorru jżuru lil missierhom.
Huwa qal li l-PD konxju li dan is-suġġett hu sensittiv u għalhekk fetaħ konsultazzjoni pubblika. Qal li din hija waħda mill-inizjattivi li se jkun qed jieħu l-Partit, parti mill-kampanja Live and Love.