Dawk li jesplojtaw lill-barranin għall-profitt iħallsu f’Jum il-Ħaqq

Delegati fil-konferenza dwar ix-Xenofobia u r-Razziżmu jisimgħu d-diskors tal-Papa

Ħadd ma jista’ jibqa’ indifferenti għall-mod kif gruppi f’minoranza qed ikunu dejjem aktar suġġetti għal biża’ theddid u mibegħda, qal il-Papa Franġisku f’messaġġ lill-parteċipanti ta’ konferenza dwar “Xenofobia, Razziżmu u Nazzjonaliżmu Populist fil-kuntest tal-Emigrazzjoni Globali”.

Żied jgħid li dawk li jipproffittaw billi jesplojtjaw barranin u persuni f’sitwazzjoni prekarja u dawk li qed jikkontribwixxu għall-formom ġodda ta’ skjavitu li qed naraw illum, għad iridu jagħtu kont ‘l Alla għall-għażliet tagħhom.

Fid-diskors tiegħu l-Papa nnota kif “sentimenti ta’ suspett, biża’, żeblieħ u saħansitra mibegħda” kontra individwi u gruppi li nqisuhom bħala “differenti” minħabba l-etniċità, in-nazzjonalità tagħhom jew ir-reliġjon, qed jiżdiedu u dawn il-persuni qed ikunu kunsidrati “li ‘ma jistħoqqilhomx ikun parti sħiħa’  mill-ħajja tal-komunità.

Dawn  is-sentimenti, żied il-Papa Franġisku “spiss iwasslu għal atti ta’ intolleranza, diskriminazzjoni jew esklużjoni” u jagħmlu ħsara kbira lid-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem.

Sfortunatament, din l-istess atitudni tidher ukoll fost il-politiċi fejn in-nies “jaqgħu għat-tentazzjoni li jesplojtjaw il-biżgħat u d-diffikultajiet oġġettivi ta’ xi gruppi u jagħmlu wegħdi qarrieqa għal interessi elettorali.” Dawn is-sitwazzjoni gravi ma jistgħu jħallu lil ħadd indifferenti. Aħna lkoll imsejħa biex nikkultivaw u nippromwovu r-rispett tad-dinjità intrinsika ta’ kull persuna umana.

Il-Papa qal li l-media “għandha dover li tkun ta’ servizz għall-verità u tassigura li l-informazzjoni li tagħti, twassal għal kultura li tiftaħna għal oħrajn b’rispett lejn id-diversità.” Il-mexxejja reliġjużi għandhom jaqsmu valuri u prinċipji etiċi li jirrispettaw id-dinjità tal-ħajja, rispett lejn id-dinjità umana u s-solidarjetà.

Papa Franġisku wissa’ lil dawk li jipprofittaw ekonomikament mill-“klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja lejn il-barranin” billi jħaddmu nies bil-moħbi f’sistema ta’ esplojtazzjoni u nuqqas ta’ sigurtà fl-impjiegi. Dawn in-nies għandhom jaraw sew il-kuxjenza tagħhom “għax xi darba rjidu jagħtu kont lil Alla tal-għażliet tagħhom”.

“Ir-razziżmu hu dnub u radikalment inkompatibbli mal-fidi nisranija”, qal il-Papa fil-messaġġ tiegħu. “In-nisrani għandu jikkundanna r-razziżmu għax imur kontra d-dinjità umana u l-appartenenza għal familja umana waħda u jkasbar l-immaġini t’Alla f’kull persuna.”

Min jgħid li qed jiddefendi l-valuri nsara jew il-komunità billi jħalli barra lil dawk li qed ifittxu refuġju mill-vjolenza u t-tbatija, mhux aċċettabbli, hu kontra l-valuri nsara, sostna l-Papa.