Dawk li jarmu lill-oħrajn huma ċittadini tat-tieni klassi

Papa Franġiski jilqa' nomadi li jgħixu fil-periferija ta' Ruma

Il-Papa Franġisku qal lil membri tal-minoranzi “Roma” u “Sinti” li jgħixu fil-periferija ta’ Ruma li hu jweġġa’ ħafna meta jisma’ insulti, mibegħda razzjali u titwettaq vjolenza fil-konfront tagħhom. “Din m’hix ċiviliżazzjoni… Iċ-ċiviliżazzjoni tfisser imħabba”.

Il-Papa kien qed ikellem lil madwar 500 membru ta’ dawn il-minoritajiet waqt laqgħa ta’ talb li saret fil-Vatikan.  Din l-inizjattiva organizzata mill-Fondazzjoni Emigranti tal-Konferenza Episkopali Taljana attendew għaliha ħaddiema pastorali, il-Kardinal Gualtiero Bassetti u oħrajn u saret wara protesti vjolenti minn residenti fil-periferija ta’ Ruma wara li l-Gvern ta’ appartament f’kumpless tad-djar, lil familja nomada.

Stereotipi

Wara li sama’ x-xiehda kommoventi ta’ qassis minn Ruma u omm ta’ erbat’ itfal, il-Papa kkundanna “l-uġiegħ tas-segregazzjoni” li dawn in-nies iħossu u li jemarġinahom. “Is-soċjetà qed tgħix fuq il-ħrejjef,” u tittimbra n-nies bħala tallaba jew midinbin” qal il-Papa li żied jistaqsi “Int m’intix midneb?”

Papa Franġisku sostna li kulħadd hu midnebb, ilkoll nagħmlu żbalji fil-ħajja u ma nistgħux naħslu idejna minnhom billi nfittex id-dnubiet veri jew mistħajjla ta’ ħaddieħor. Wieħed l-ewwel irid jara d-dnubiet tiegħu stess u jekk jara lil xi ħadd jaqbad it-triq il-ħażina, jgħinu biex joħroġ minnha.

Qasma bejn il-moħħ u l-qalb

“Xi ħaġa li tirrabjani”, qal il-Papa, “hi li aħna mdorrijin nitkellmu fuq l-oħrajn bl-aġġettivi”. Li nittimbraw lin-nies bl-aġġettivi bħal ikrah, ħażin, qarrieq huma affarijiet li “iġibu firda u joħolqu distanza bejn il-moħħ u l-qalb.”

Dan, qal Papa Franġisku, mhux problema politika, soċjali, kulturali jew problema ta’ lingwa, imma problema ta’ “distanza bejn il-moħħ u l-qalb”.

Huwa qal li veru jeżistu “ċittadini tat-tieni klassi” imma “dawn huma dawk li jwarrbu u jarmu lill-oħrajn għax ma jridux jingħaqdu magħhom”. Bl-aġġettivi u l-gideb, dawn in-nies jixkupaw lil oħrajn ‘l barra, bl-ixkupa f’idejhom.

Il-veri delinkwenti

“Għall-kuntrarju, il-vera triq hi dik ta’ bejn l-aħwa.”  Il-Papa wissa’ dwar il-periklu u d-djufija li nħallu l-għadab u l-għira jikbru fina għax dan imarrad il-qalb, il-moħħ u jwassal għall-vendetta.

Il-Papa Franġisku rrifera għal organiżazzjonijiet kriminali fl-Italja li hu sejjħilhom “surmastrijiet tal-vendetta” – grupp ta’ delinkwneti li kapaċi jagħmlu vendetta u jinħbew fis-silenzju tal-omerta.  “Dawn huma nies delinkwenti mhux nies li jridu jaħdmu”.

Hu kkonkluda d-diskors qasir tiegħu billi ħeġġeġ lil kulħadd biex ma joħloqx distanza bejn il-moħħ u l-qalb billi juża aġġettivi fil-konfront ta’ ħaddieħor.