Il-Knisja lesta tgħin lill-immigranti li jiġu salvati – L-Arċisqof

Aġġornat 08:37 AM

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Knisja lesta tgħin lill-migranti li jiġu salvati mill-baħar.

Fuq Twitter, Mons. Scicluna qal li l-Knisja se tkompli tagħmel dak li ilha tagħmel is-snin. Iddeskriva s-sitwazzjoni bħala eżami għall-umanità u l-ospitalità ta’ Malta. Appella lin-nies biex ma jfallux l-eżami. Qal li “Malta” tfisser “port sigur”.

Qabel kiteb ukoll illi dawk il-persuni f’periklu li jinsabu fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija għandhom jiġu salvati, għax is-sigurtà tagħhom għandha dejjem tkun garantita.

Fuq Twitter, l-Arċisqof kiteb li li jiġu salvati l-ħajjiet u li jiġi żgurat li dawn jinżlu f’post sigur huwa obbligu legali fundamentali. Huwa sejjaħlu ħtieġa morali li ma tistax tiġi nnegozjata, jew tittieħed.

Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern Malti ħa d-deċiżjoni li ma jaċċettax iżjed immigranti fil-Gżejjer Maltin minħabba l-imxija tal-coronavirus. Grupp ta’ 70 immigrant li ddaħħal il-ġimgħa li għaddiet kellu jkun l-aħħar wieħed.

Minkejja dan, għad hemm dgħajjes oħrajn bl-immigranti fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Waħda mill-erba’ dgħajjes li qed iġorru persuni li qed ifittxu l-ażil inqalbet fi triqitha lejn l-Ewropa. Fi tweet, Sea Watch li hija waħda mill-għaqdiet li jsalvaw il-ħajjiet, qalet li l-Frontex sabu l-erba’ dgħajjes li aktarx kienu l-istess li kienu għamlu kuntatt ma’ Alarm Phone aktar kmieni. Waħda minn dawn id-dgħajjes kienet maqluba mingħajr ebda persuna fuqha. Għadu mhux magħruf kemm-il persuna kien hemm abbord.

Ilbieraħ inbdiet petizzjoni indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jissalvaw il-persuni li qegħdin ifittxu l-ażil. Il-petizzjoni tgħid li l-umanità tagħna ma tistax tippermetti li dawn in-nies jiċċaħħdu mill-obbligu morali tagħna li nsalvawhom.

Sa dalgħodu l-petizzjoni kienet ġabret iżjed minn 1,500 firma.

Apparti dan, għadd ta’ NGOs ħarġu stqarrija konġunta li fiha appellaw lill-Prim Ministru biex jiżgura li dawn il-persuni jiġu salvati.

Tista’ taċċessa l-petizzjoni minn hawn.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger