Dawk b’kuntratti prekarji għandhom jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad – Graffitti

Sarah Cassar Dymond

L-għaqda Moviment Graffitti ressqet għadd ta’ proposti li jħarsu lill-ħaddiema u lis-self-employed f’dan iż-żmien ta’ diffikultà għall-ekonomija minħabba l-imxija tal-coronavirus.

L-NGO qalet li tilqa’ l-istqarrija tal-Prim Ministru Robert Abela li l-ħaddiema m’għandhomx ikunu dawk li jġorru l-piż tal-kriżi tal-coronavirus. Saħqet li temmen li għandhom jiġu mwettqa wkoll miżuri soċjali li jwieżnu lill-ħaddiema u lil dawk li għandhom l-inqas riżorsi fis-soċjetà.

Il-proposti tal-Moviment Graffitti huma:

  • Sistema biex il-ħaddiema b’kuntratti li ma jiżgurawx sigħat ta xogħol fissi u dawk il-persuni self-employed li jaqilgħuha u jikluha jkunu temporanjament eliġibbli sabiex jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad
  • Miżura biex min għandu loans mal-bank (inklużi home loans u loans marbutin man-negozju) jitħalla, għal ftit xhur, jipposponi l-ħlasijiet dovuti lill-bank
  • Fond ta’ self mingħajr interessi lill-kumpaniji biex ikomplu jħallsu lill-ħaddiema;
    il-Moviment Graffitti hu tal-fehma li l-flus għandhom jingħataw lura lill-Gvern bla interessi la l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha
  • Moratorju fuq tkeċċijiet peress li “issa huwa żmien is-solidarjetà, u mhux żmien fejn il-ħaddiema jispiċċaw mormija bħal lumija li ntgħasret”
  • Leave speċjali tal-kwarantina li jgħodd anke jekk il-pajjiż ikun taħt lockdown; Nofs dan il-leave għandu jittieħed mill-intitolament għas-sick leave tal-ħaddiema, filwaqt li n-nofs l-ieħor ikun leave speċjali bi ħlas fejn il-Gvern jissussidja parti mill-paga, u l-parti l-oħra titħallas minn min iħaddem.

It-tħassib fuq in-negozju fid-dawl ta’ dak li qed jiġri żdied sew, anke fost l-Għawdxin, li skont sondaġġ li sar mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, nofs in-negozjanti jaħsbu li jekk is-sitwazzjoni tippersisti, se jkollhom jagħlqu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn