Davos? Dan xi jkun?

Kull sena għal din il-ħabta, il-mexxejja tal-akbar kumpaniji tal-aktar pajjiżi sinjuri tad-dinja jiltaqgħu fl-Iżvizzera, f’Davos, biex jiddiskutu l-andament ta’ l-ekonomija tad-dinja.
Issa, la Malta mhix la minn tal-akbar u lanqas minn tal-aktar għonja, għala aħna, bħala Maltin, għandu jimpurtana minn dak li jkun diskuss f’Davos?
It-tema din is-sena se tkun “Nikkrjaw ġejjieni wieħed f’dinja mfarrka bċejjeċ”.
Għall-ewwel darba f’għoxrin sena se jattendi wkoll il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li, jekk forsi mhux l-aktar politiku mirqum, huwa ċertamanet imprenditur ta’ statura dinjija.
Persuni oħra li se jattendu se jkunu l-Prim Ministru Indjan Narendra Modi, il-President Franċiż Emanuel Macron, il-Prim MInistru Ingliż Theresa May u l-President taż-Żimbabwe Emersom Mnangagwa.
Davos mhux post fejn se jissolvew il-problemi imma, kif kienet l-idea tal-akkademiku Klaus Schwab li beda dawn il-laqgħat fis-snin 70, huwa post fejn il-parteċipanti jitkellmu dwar ideat, inibbtu u jxettlu żrieragħ għal frott ġejjieni.