David Thake għandu vantaġġ iżda mhux garanzija – Schiavone

“Meta jasal iż-żmien, iva nissottometti n-nomina”

David Thake li kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2017 f’isem il-Partit Nazzjonalista, għandu vantaġġ fl-elezzjoni każwali biex jieħu post Simon Busuttil fil-Parlament, madanakollu hu ma għandu l-ebda garanzija.

Dan qalu l-Membru Parlamentari Hermann Schiavone ma’ Newsbook.com.mt meta spjega x’jiġri f’każ li Membru Parlamentari jirreżenja mill-Parlament f’nofs leġiżlatura. Il-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt ġiet propju wara li tħabbar li l-Membru Parlamentari u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil inħatar bħala s-Segretarju Ġenerali tal-grupp tal-EPP fil-Parlament Ewropew. Eventwalment hu se jkun qed jirreżenja mill-kariga tiegħu bħala MP fil-Parlament.

Schiavone spjega li meta MP jiddeċiedi li jirreżenja, irid jagħmel dan permezz tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Qal li l-ispeaker imbagħad irid jinforma lill-Kummissjoni Elettorali biex teleġġi lil xi ħadd. Fisser li jekk l-MP ikun tela’ fl-ewwel elezzjoni, tkun trid issir elezzjoni każwali, u li jekk MP ikun ħa l-kariga tiegħu b’elezzjoni każwali, mela mbagħad tkun trid issir co-option mill-partit li jkun jifforma.

Kompla jgħid li Busuttil tela’ minn żewġ distretti u li d-distrett li kien għadu ma ċediex huwa t-12-il distrett. Spjega li Busuttil tela’ mal-ewwel għadd. Hu kompla jispjega li wieħed jista’ jitla’ kemm mill-ewwel għadd u kemm jekk jiret il-voti mingħand ħaddieħor.

Il-każ ta’ Busuttil iwassal għal elezzjoni każwali

Schiavone spjega li meta tiġi għal elezzjoni każwali, bħal fil-każ ta’ Simon Busuttil, jerġa’ jinfetaħ il-pakkett ta’ voti tal-persuna li tkun irriżenjat. Qal li fit-12-il distrett, Busuttil ġab 3,899 vot mal-ewwel għadd u li malli tinfetaħ l-elezzjoni każwali, tibda titqassam il-preferenza għal ta’ warajh.

Irrimarka li hu ra n-numri tal-voti kurrenti. Spjega li fil-pakkett hemm tliet persuni minn fejn wieħed jista’ jeleġġi Membru Parlamentari ġdid. Dawn huma David Thake li għandu madwar 600 vot, Graziella Galea li għandha madwar 400 vot u Sam Abela li għandu madwar 200 vot.

Kompla billi spjega li f’dan il-pakkett, hemm 2,300 vot li għandhom it-tieni preferenza fuq tliet kandidati li diġà huma eletti. Qal li allura, meta jerġgħu jitqassmu dawn il-voti, wieħed irid iħares lejn it-tielet, ir-raba’ jew il-ħames preferenza, dejjem skont l-ewwel persuna fil-lista tal-preferenza li ma tkunx eletta.

Il-kwota se tkun ta’ 1,950 vot

Schiavone fisser li l-kwota biex wieħed jiġi elett fil-Parlament minflok Busuttil se tkun dik ta’ 1,950 vot. Spjega li filwaqt li mal-ewwel daqqa t’għajn wieħed jista’ jgħid li Thake għandu vantaġġ ta’ ftit inqas minn 200 vot fuq Galea. Spjega li issa, wieħed irid jara l-preferenza li jmiss fejn tmur fuq dawk l-2,300 vot.

Hu semma kif dawn ir-riżultati diffiċli jiġu mbassra minn qabel għax hemm dak li sejjaħlu l-element tal-kunjom. Spjega li l-esperjenza turi li wieħed jagħti l-ewwel ftit preferenzi b’mod maħsub, imbagħad ikompli l-bqija tal-vot tiegħu minn fuq għal isfel. Qal li allura huwa diffiċli li tgħid kif se tiżvolġi din l-elezzjoni.

Meta se nkunu nafu min se jimla l-kariga?

Schiavone spjega li dan kollu jiddependi fuq meta jiddeċiedi li jirreżenja Busuttil. Semma kif skont dak li qed jintqal, f’Marzu Busuttil irid jieħu l-pożizzjoni tiegħu fl-Ewropa. Qal li allura jassumi li fi Frar ikun irid jissottometti r-reżenja. Stqarr li mbagħad ikun hemm proċess fejn ikun hemm numru ta’ ġranet fejn il-Kummissjoni tilqa’ n-nominazzjonijiet u allura wieħed jassumi li sa Marzu jkun hemm il-kandidat elett.

David Thake jikkonferma li se jissottometti n-nominaMistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk hux se jissottometti n-nomina tiegħu biex isir MP, Thake qal li se jagħmel dan malli jasal il-mument.