David ta’ Michelangelo tintuża għal riklam offensiv

Il-Ministru tal-Kultura Taljan, Dario Franceschini esprima r-rabja tiegħu wara li kumpanija tal-armi Amerikana, użat l-arti ta’ Michelangelo, il-magħruf David, b’arma f’idu.
Franceshini qal li l-immaġni hija offensiva u tmur kontra l-liġi.
Ir-riklam oriġina minn kumpanija bbażata f’Illinois fl-Istati Uniti, ArmaLite.  Min naħa tagħha din il-kumpanija ġġustifikat l-għażla tagħha billi qalet li bħalma l-istatwa ta’ Michelangelo hija arti, tant ieħor hija l-arma li tiswa madwar $3,000.
Minkejja kollox, il-Ministru Taljan, insista li r-riklam ta’ din l-arma għandu jitneħħa b’mod immedjat.
Il-Gvern Taljan, saħaq li hu għandu d-drittijiet għall-użu esklussiv ta’ din l-opra t’arti għal skopijiet ta’ reklamar.
Angelo Tartuferi, direttru tal-Accademia di Belli Arti di Firenze, qal li l-użu ta’ din l-immaġni sar bla permess, u l-għażla għalxiex intuża hija wahda li ma tagħti l-ebda eżempju tajjeb.
L-istatwa ta’ David saret minn Michelangelo u tlestiet fl-1504 wara tliet snin.