David Stellini jirreżenja minn Membru Parlamentari

Sorsi affidabbli infurmaw lil Newsbook.com.mt li David Stellini, Membru Parlamentari Nazzjonalista Għawdxi, daħħal ir-reżenja tiegħu mill-Parlament.

Ilbieraħ, Newsbook.com.mt żvela l-istorja esklussiva li Stellini kien qed jikkunsidra l-possibbiltà li jmur jaħdem mal-Parlament Ewropew. Qabel ma ġie lura f’Malta biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017, Stellini kien jaħdem fi Brussell mal-Partit Popolari Ewropew (PPE). Hu mbagħad ġie elett għall-Parlament Malti.

Meta lbieraħ Newsbook.com.mt staqsa lil Stellini meta kien se jdaħħal ir-reżenja tiegħu, huwa qal li kien għadu ma ddeċidiex iżda ma ċaħadx li se jagħmel dan.

Sorsi ta’ Newsbook.com.mt ikkonfermaw li l-impjieg ta’ Stellini fi Brussell huwa lest, u diġà hi stabbilita d-data ta’ meta se jibda wkoll.

Stellini se jirreżenja wkoll minn President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.