“David, David! Fejn int?”

Fid-disa’ episodju mis-sensiela It-Tmien Nota li jixxandar illum l-Erbgħa fit-3pm fuq TVM naraw li jkun wasal il-funeral ta’ Edward u kontra x-xewqa ta’ omm il-mejjet Bella tmur għalih xorta waħda biex tarah għall-aħħar darba fil-kamra mortwarja. Hemmhekk issib lil omm il-vittma. Imma issa, fil-preżenza ta’ binha mejjet, ma tasalx tkeċċi lil Bella ’l bogħod minnha u jsabbru lil xulxin f’dak il-mument ta’ dwejjaq. Bella tassigura lil mara li għad li tixtieq li tikseb suċċess fil-karriera, qatt ma tasal li tarmi l-ħbiberija jew l-imħabba ta’ persuna oħra biex tikseb il-popolarità.

Meta joħorgu barra mill-kamra mortwarja jsibu lil Mariella li tgħidilhom li żewġha qaleb għall-aħjar, mhux se jmut, imma għad mhux magħruf jekk hux se jibqa’ mmankat għal għomru, mitfuħ f’qiegħ ta’ sodda.

Bella tkun mistiedna għal programm televiżiv biex jintervistawha. Kollox ikun sejjer sewwa sakemm l-istazzjon jirċievi telefonata għaliha li tgħidilha biex lit-telespettaturi tgħidilhom għaliex kulfejn marret ħalliet ħerba warajha u ssemmilha l-qtil ta’ Edward, it-traġedja ta’ Leo u l-għibien ta’ David. Il-messaġġ ma jinqarax fuq it-televiżjoni imma jgħadduhulha. Ma’ kull isem li tara narawha tisfar sakemm meta jasal isem David, Bella twerżaq waħda kbira: “Le!”. Tqum strumblata minn fejn tkun u x-xandira tinqata’ hesrem.

Lura d-dar tagħha Bella tmur fil-librerija u toħroġ ktieb dwar l-arti li fuqu jkollha dedika. Miktub fuqu hemm: “Lil Bella, l-isbaħ waħda. Tiegħi għal dejjem”. Tgħannaq il-ktieb magħha u tlissen l-isem David għal aktar minn darba.

Immorru lura ftit tas-snin qabel.  Naraw lil David, żagħżugħ b’dehra pulita, li jkun jistudja għal tabib. Qiegħed f’ħanut tal-kotba ifittex ktieb. Jara bosta u fl-aħħar jixtri wieħed li qabel inkunu rajna lil Bella tgħannaq magħha. Insiru nafu li huwa kien tefa’ għajnejh fuqha.

Mil-laqgħa tiegħu magħha naraw li huwa tal-affari tiegħu u minkejja l-ġibda kbira li għandu lejha qatt ma jasal biex ilissnilha xi ħaġa dwar dak li jħoss lejha. Imħabbtu hi tal-ġenn u jaqsam qalbu jiftakar li qatt ma setgħet tkun tiegħu għax mitlufa wara Leo, raġel li kien ukoll ħabib tiegħu. Wara din il-laqgħa tagħhom flimkien jagħtiha l-ktieb u fih jikteb “Lil Bella, l-isbaħ waħda.  Sabiħa għal dejjem”.

Nerġghu naraw lil Bella mill-ġdid tgħannaq lil ktieb, din id-darba bid-dmugħ f’għajnejha, imnikkta. Tistaqsi lilha nnfisha:

“David, David! Fejn int?”

Is-sensiela, li oriġinarjament ixxandret fl-2008, għandha kitba ta’ Joseph A Cachia bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv. Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.