David Curmi jinħatar bħala Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta

Read in English.

Il-Ministeru għax-Xogħol ħabbar il-ħatra ta’ David Curmi bħala ċ-Chairman Eżekuttiv il-ġdid tal-Air Malta. Din il-ħatra se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021.

Curmi għandu snin ta’ esperjenza fit-tmexxija ta’ diversi entitajiet pubbliċi u privati. Preżentament, qed iservi bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ MAPFRE MSV Life p.l.c. u fuq numru ta’ bordijiet ta’ kumpaniji, li jinkludu MAPFRE Middlesea p.l.c., MIDI p.l.c., Plaza Centers p.l.c. u Growth Investments Ltd.

Huwa wkoll iċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali u membru tal-Bord tal-Iskola tad-Dottorat fl-Università ta’ Malta.

Qabel, Curmi kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, kif ukoll Chairman ta’ Trade Malta Ltd. Huwa membru taċ-Chartered Insurance Institute tar-Renju Unit, kif ukoll Chartered Insurer.

“L-Air Malta qed taffaċċja numru ta’ sfidi kbar li kibru minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Nemmen li s-Sur Curmi jista’ jġib impetu ġdid lil-linja tal-ajru nazzjonali sabiex tikkonsolida l-oqsma li rnexxew, filwaqt li ttejjeb l-oqsma fejn dan ma seħħx,” qal il-Ministru Clyde Caruana.

Il-Ministeru rringrazzja liċ-Chairman uxxenti, Charles Mangion għax-xogħol li wettaq matul il-kariga tiegħu.