David Casa se jixhed f’Ateni fil-każ tal-estradizzjoni ta’ Efimova

Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa jinsab fi triqtu lejn Ateni biex għada jixhed fil-Qorti Griega fil-każ ta’ estradizzjoni tal-whistleblower fil-każ tal-kumpanija Egrant u eksimpjegata tal-Bank Pilatus, Maria Efimova.
Mal-gazzetta The Malta Independent, Casa kkonferma u qal li aċċetta li jixhed fil-każ wara li ntalab jagħmel dan mill-avukati ta’ Efimova fil-Greċja.
L-awtoritajiet Griegi mistennija jiddeċiedu jekk Efimova għandix titħalla tiġi Malta u tingħata f’idejn l-awtoritajiet Maltin wara li dawn tal-aħħar talbu għall-estradizzjoni tagħha.
F'kummenti ma' Newsbook.com.mt, Casa qal li "għad m'għandnix idea ta' min ordna l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia". Qal li Maria Efimova kienet waħda mis-sorsi ta' Daphne u għalhekk jisħaq li sakemm il-qattiela ma jinstabux, Efimova qiegħda fil-periklu kemm għall-ħajjitha kif ukoll għas-sigurtà tal-familja tagħha.
Ix-xahar li għadda, l-Ewroparlamentari David Casa kien mar jiltaqa’ ma’ Efimova fil-ħabs fejn qed tinżamm Efimova. Kien qal li kemm hu kif ukoll il-Parlament Ewropew jinsabu lesti biex jagħtu sostenn lill-whistleblower Russa, Maria Efimova.
Maria Efimova, omm ta’ żewġt itfal, kienet għaddiet l-informazzjoni lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia dwar kontijiet sigrieti f’isem mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, li fihom allegatament ġew trasferiti €1 miljun mit-tmexxija tal-Ażerbajġan. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll martu dejjem ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet.
Efimova ħarbet minn Malta wara li qalet li kienet qed tibża’ għal ħajjitha.
F'Novembru fil-Qorti nstema’ li nħareġ mandat Ewropew u Internazzjonali għall-arrest ta' Efimova, għax ma dehritx għas-seduti tal-Qorti.