David Casa u Roberta Metsola f’kumitat dwar ir-reati finanzjarji

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, ġie nnominat bħala membru fil-kumitat temporanju dwar ir-reati finanzjarji. L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola se tkun sostituta fuq l-istess Kumitat.
Casa ġie approvat mill-Parlament Ewropew waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu, fost il-45 membru fil-Kumitat Speċjali dwar ir-Reati Finanzjarji, l-Evażjoni Fiskali u l-Evitar tat-Taxxi.
Il-ħidma tal-kumitat, TAXE3 tinkludi l-eżaminar ta’ sistemi nazzjonali li jipprovdu privileġġi fiskali, il-frodi tal-VAT u l-problemi biex jiġi żgurat li l-ekonomija diġitali tħallas it-taxxi dovuti. Se jkompli wkoll fuq il-ħidma tal-Kumitat PANA li kien niffoka fuq l-iskandlu tal-Panama Papers. Se jservi wkoll biex jiddiskuti dak li sar mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta f'Diċembru li għadda, u li ppubblikat rapport iebes dwar il-ħarsien tal-liġi f'Malta. 
L-ewwel laqgħa se tkun fit-22 ta’ Marzu, meta l-membri jagħżlu l-President fost l-oħrajn.
Il-kumitat għandu mandat ta’ 12-il xahar.