David Casa mħasseb dwar Nexia BT

David Casa PL

Read in English.

Waqt seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni għall-Ġurnalisti Ewropej, il-Kap tad-Delegazzjoni PN, l-MEP David Casa, wera t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-kumpanija Nexia BT għadha topera f’Malta.

Is-seminar fi Brussell kien iffukat fuq it-theddid li jsibu ma’ wiċċhom il-ġurnalisti llum il-ġurnata. Casa qal li l-verità m’għadx għandha daqstant valur. Dan jirrendi lill-ġurnalisti vulnerabbli meta ma jittiħdux passi fuq dak li jiżvelaw, u jsiru l-aħħar nies bejn il-ġustizzja u dawk li jiċħduha. Huwa ddeskriva lil Daphne Caruana Galizia bħala waħda minn dawn il-ġurnalisti.

Casa ddeskriva kif Caruana Galizia kienet mhedda tul ħajjitha, bil-ħruq ta’ darha, bil-qtil tal-klieb tagħha, u bil-persekuzzjoni finanzjarja li kienet għaddejja minnha meta nqatlet.

Huwa faħħar il-mod kif ġurnaliżmu bħal ta’ Caruana Galizia rnexxielu jwassal lil Pilatus Bank biex jieqaf jopera f’Malta, u semma wkoll il-fatt li Maria Efimova, is-sors ta’ Caruana Galizia, issa tinsab lura ma’ familtha wara xhur estradita.

Madankollu, ilmenta dwar kif politikanti li faqqru l-istituzzjonijiet Maltin internazzjonalment għadhom ma tkeċċewx. Enfasizza wkoll fuq kif Nexia BT, il-kumpanija fiċ-ċentru tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, għadha topera.