David Beckham jagħti l-paga kollha lill-karità

Il-plejer Ingliż b’fama mondjali David Beckham għadu kif issieħeb mal-klabb franċiż Paris St. Germain. Apparti l-fatt li ħadd ma kien qed jistenna li sseħħ xi ħaġa bħal din, il-plejer ta’ 37 sena ħabbar li l-paga tiegħu, ta’ madwar €4 miljun, se tmur kollha għall-organizazzjoni tal-karità tat-tfal.

Beckham qal li din id-deċiżjoni ttieħdet minnu u mill-mara tiegħu, l-eks kantanta tal-Ispice Girls Victoria Beckham.

David Beckham se jkun qed jerġa’ jilbes il-flokk bin-numru 32. Dan huwa s-sitt tim li qed jilgħab miegħu Beckham, wara li fil-passat lagħab ma’ diversi klabbs kbar bħal Manchester United, Real Madrid u Milan.

Wara ħames snin jilgħab fl-Istati Uniti, Beckham irritorna fl-Ewropa jitħarreġ ma’ Arsenal biex jibqa’ tajjeb għal logħob.

Fl-aħħar ġurnata tat-trasferimenti ta’ Jannar 2013, huwa ffirma kuntratt ta’ ħames xhur mat-tim Franċiż.