David Attard elett viċi-president tat-Tribunal Internazzjonali dwar il-Liġi tal-Baħar

L-imħallef David Attard ġie elett bħala viċi-president tat-Tribunal Internazzjonali dwar il-Liġi tal-Baħar.
Fi stqarrija, il-Gvern spjega li Attard sar membru tat-Tribunal fl-2011. Issa hu ġie elett bħala viċi-presidentgħal perjodu ta’ tliet snin. Hu jieħu f’idejh il-funzjonijiet tal-president tat-Tribunal fl-eventwalità li l-post ikun vakat jew jekk il-president ma jkunx jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.
Il-Gvern spjega li dan huwa rikonoxximent kbir għall-ħidma tal-Imħallef Attard u għal Malta, li se tkompli bit-tradizzjoni twila tagħha li bdiet mil-legat li ħalla Arvid Pardo 50 sena ilu meta tkellem fl-Assemblea Ġenerali tan-Ġnus Magħquda u ta bidu għall-Konvenzjoni Internazzjonali fuq il-Liġi Internazzjonali tal-Baħar.
Stqarrija tal-PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista (PN) feraħ lil Attard għall-elezzjoni tiegħu. Skont il-PN, l-Imħallef Attard hu isem sinonimu mal-liġi internazzjonali tal-baħar u dan ir-rikonoxximent hu pass ieħor imoprtanti fil-karriera tiegħu. Il-PN temm jgħid li l-aħbar tal-lum mhux biss tagħmel unur lill-Imħallef Attard, iżda anke lil Malta fl-isfera internazzjonali.

Ritratt: GM