David Agius se jikkontesta għal Viċi-Kap tal-PN

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius ikkonferma li se jkun qed jikkontesta l-kariga ta’ Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonlista għall-Affarijiet Parlamentari.
Agius ikkonferma dan mal-ġurnal The Malta Independent on Sunday, u għaldaqstant qed jitqies bħala l-ewwel deputat Nazzjonalista li qed jikkunsidra din il-kariga.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, ma’ Newsbook.com.mt, il-membri parlamentari Nazzjonalisti Robert Arrigo u Kristy Debono esprimew l-interess tagħhom għall-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit.
Min-naħa tagħha Marthese Portelli ma kkommettietx ruħha u qalet biss li l-kompetizzjoni bħalissa fil-partit hija għal Kap Ġdid u mhux Viċi-Kap.
It-taqtigħa bħalissa qiegħda bejn erba’ kandidati: Adrian Delia, Alex Perici Calascione, Frank Portelli u Chris Said.
Delia ċaħad ix-xniegħa li għamel ftehim mal-koppja MPs, Jean Pierre u Kristy Debono, li  Jean Pierre Debono jċedi s-siġġu tiegħu fil-Parlament, biex iwitti t-triq għal martu biex issir Viċi-Kap, jekk Delia jkun Kap tal-Partit Nazzjonalista.  Debono ċaħad ukoll din l-allegazzjoni.