David Agius se jibqa’ Viċi Kap tal-PN

Miguela Xuereb

Read in English.

David Agius ħabbar li se jibqa’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li Bernard Grech ġie elett Kap ġdid minflok Adrian Delia.

Fuq Facebook, Agius kiteb li lbieraħ kellu laqgħa privata ma’ Dr Bernard Grech, li huwa ddeskriva bħala waħda “pożittiva u li tħares ’il quddiem għal aktar ħidma sfiqa flimkien għall-ġid tal-partit u tal-pajjiż.”

Fil-kitba tiegħu fuq Facebook, id-Deputat ta rendikont tal-jum tiegħu, li kien mimli laqgħat, inkluż l-ewwel seduta parlamentari wara l-vaganzi tas-sajf. Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi wiegħed li bħala Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari se nibqa’ jservi u jistinka “b’enerġija u b’lealtà biex dan il-Partit ikun gvern alternattiv u sod għal Malta u mill-ġdid isir l-għażla naturali tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.”

Huwa semma kif fil-Parlament irringrazzja lil Adrian Delia ta’ xogħlu, u awguralu għall-ġejjieni, sabiex huma jissoktaw bil-ħidma tagħhom flimkien fil-Grupp Parlamentari u fil-Partit Nazzjonalista.

Wara r-riżultat tal-elezzjoni tas-Sibt li għadda, dalgħodu kelli laqgħa privata mal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista…

Posted by David Agius on Monday, October 5, 2020

Wara li Bernard Grech rebaħ l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista nhar is-Sibt li għadda, għadd ta’ persuni qrib Delia ħabbru r-riżenja tagħhom mill-Partit, fosthom il-kunsilliera Deborah Mifsud, Doriana Portelli u Charmaine Aquilina. Louise Tedesco, preżentatriċi fuq NET TV, ukoll ħabbret ir-riżenja tagħha.

Intant, Adrian Delia offra l-lealtà tiegħu lil Bernard Grech bħala Kap ġdid. Qal li qed iwiegħdu s-sapport tiegħu, l-istess ħaġa li huwa qal li ma sabx meta laħaq Kap tliet snin ilu. L-istess għamel il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo meta qal li qed joffri “l-lealtà assoluta” lil Bernard Grech.

Lealtà jew riżenja?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt