Dati ġodda tal-poloz għad-dħul fl-Iskejjel tal-Knisja

Luke Zerafa

Read in English.

L-Uffiċċju għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja ħabbar dati ġodda għall-poloz ta’ parteċipazzjoni għall-Iskejjel tal-Knisja.

Ġie spjegat li dawn il-poloz se jiġu mxandra live fuq www.knisja.mt minn ġo studio mingħajr il-preżenza tal-ġenituri u bl-inqas nies possibbli, minħabba r‑restrizzjonijiet kontra t‑tixrid tal‑coronavirus.

L-ewwel poloz li se jsiru huma dawk ta’ parteċipazzjoni, tal-bniet u s-subien, għad-dħul fl-ewwel sena sekondarja. Dawn se jsiru nhar l-Erbgħa, 1 ta’ April 2020. Il-polza tal-bniet tibda fid-9.30am u tas-subien issir eżatt warajha fl-10.30am, jew x’ħin tispiċċa l-polza tal-bniet jekk din tkun għadha ma spiċċatx sa dak il-ħin.

Il-polza ta’ parteċipazzjoni tal-bniet tal-ewwel sena pimarja se ssir nhar il-Ħamis, 2 ta’ April 2020, u tibda fid-9.30am. Id-dati tal-poloz l-oħra se jitħabbru fil-jiem li ġejjin.

Il-filmati tal-poloz se jibqgħu aċċessibbli onlajn anki wara li tispiċċa x-xandira tagħhom. Ir-riżultati tal-poloz jittellgħu onlajn l-għada ta’ kull polza, fuq il‑paġna tal‑Iskejjel tal‑Knisja li tinsab fuq il‑website www.knisja.mt.

Il-listi tal-parteċipanti tal-poloz jinsabu hawn taħt:

Għal iktar tagħrif tista’ tibgħat email fuq admissions@maltadiocese.org jew iċċempel fuq 7999 0224.