Dati ġodda għall-għażla ta’ skola tal-Knisja

Read in English.

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija ħabbar dati ġodda għall-għażla ta’ skola tal-Knisja għas-sena akkademika li tibda f’Settembru li ġej.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta spjegat li l-għażla ta’ skola se tixxandar live fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, fi studio mingħajr il-preżenza tal-ġenituri u bl-inqas nies possibbli, minħabba r-restrizzjonijiet kontra t-tixrid tal-coronavirus. Matul il-proċess kollu se jkun preżenti nutar.

Waqt il-proċess tal-għażla tal-iskola, il-ġenituri se jkunu kkuntattjati bit-telefown u jintalbu jagħmlu l-għażla tagħhom. It-telefonati lill-ġenituri jsiru wara xulxin skont l-ordni tar-riżultat tal-polza tal-għażla. Huwa obbligatorju li l-ġenituri jkunu disponibbli biex jirrispondu t-telefonata, bħalma kien obbligatorju li jkunu preżenti fis-sala fejn kienet issir l-għażla ta’ skola. Dan sabiex il-proċess jimxi kif meħtieġ u ħadd ma jinqabeż.

L-Uffiċċju għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja jċempel l-ewwel fuq il-mobile tal-omm. Jekk ħadd ma jirrispondi jċempel fuq il-mobile tal-missier, u jekk ħadd ma jirrispondi jċempel fuq in-numru tad-dar. Jekk ħadd ma jirrispondi t-telefonati kollha li jsiru, il-proċess jitkompla u ssir telefonata lil min imissu. Min ma jkunx għażel u jikkuntattja lura lill-uffiċċju jkun jista’ jagħżel mill-postijiet li jkun fadal, iżda ma jkunx jista’ jħassar l-għażliet li jkunu diġà saru. In-numri tat-telefown li jintużaw huma dawk li ġew sottomessi fl-applikazzjoni għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja u dawk li l-ġenituri jkunu taw meta l-uffiċċju għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja jkun ċemplilhom.

Il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja qed ilestu preżentazzjonjiet b’informazzjoni utli dwar l-iskola għall-ġenituri. Din l-informazzjoni tkun aċċessibbli mill-paġna tal-iskejjel tal-Knisja fuq www.knisja.mt jew tintbagħat b’email jew bil-posta. Il-postijiet vojta skola skola jitħabbru sa jumejn qabel l-għażla ta’ kull skola. Il-ġenituri għandhom ikunu preparati bid-deċiżjoni tagħhom sa dakinhar li ssir l-għażla tal-iskejjel li għaliha applikaw għat-tfal tagħhom.

Il-filmati tal-għażla tal-iskola jibqgħu aċċessibbli online anke wara li tintemm ix-xandira. Ir-riżultati tal-għażla jittellgħu online l-għada ta’ kull għażla fuq il-paġna tal-iskejjel tal-Knisja li tinsab fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Il-listi tal-applikanti li se jagħmlu għażla ta’ skola tinsab ukoll online.

X’inhuma d-dati?

  • Form 1 Bniet – 12 ta’ Mejju fid-9.30am
  • Form 1 Subien – 15 ta’ Mejju fid-9.30am
  • Year 1 Bniet – 19 ta’ Mejju fid-9.30am
  • Year 1 Subien – 22 ta’ Mejju fid-9.30am
  • Kinder 2 Bniet – 26 ta’ Mejju fid-9.30am
  • Kinder 2 Subien – 29 ta’ Mejju fid-9.30am
  • Kinder 1 Subien – 29 ta’ Mejju fil-11.30 am
  • Kinder 1 Bniet – 29 ta’ Mejju fin-12.30pm

Għal aktar tagħrif tista’ tibgħat email fuq admissions@maltadiocese.org jew iċċempel fuq 7999 0224 mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7:30am sat-3:30pm. Aktar informazzjoni tingħata fil-paġna tal-iskejjel tal-Knisja fuq www.knisja.mt minn żmien għal żmien. Jekk iċ-ċirkustanzi fil-pajjiż jinbidlu b’tali mod li l-għażla tal-iskola ma tkunx tista’ ssir, il-ġenituri jiġu infurmati permezz ta’ avviż fuq l-istess website.