Aġġornata: 24 siegħa wara d-data breach jitkellmu tal-Lands

Waqt li sa issa s-sit tal-Awtorità tal-Artijiet għadu mhux aċċessibbli l-Awtorità kisret is-silenzju u qalet li l-problema ġiet irranġata. Fi stqarrija li dehret fuq timesofmalta.com l-Awtorità ma spjegatx min se jġorr ir-responsabbiltà illi eluf ta’ dokumenti ta’ Maltin mill-websajt tal-Awtorità tal-Artijiet sabu ruħhom fuq l-Internet. Skont timesofmalta.com huma qed jgħidu li ma kien hemm l-ebda tip ta’ infiltrazzjoni minn terzi persuni li setgħu xerrdu informazzjoni li ma kinitx intenzjonata li tkun pubblika.

F’dikjarazzjoni li ma waslitx lil din il-kamra tal-aħbarijiet, ġie spjegat li l-informazzjoni li hija aċċessibbli permezz ta’ Google hija l-istess informazzjoni li applikant jipprovdi lill-Awtorità tal-Artijiet fl-applikazzjoni li jimla onlajn u li skont l-Awtorità l-applikant jagħti l-kunsens tiegħu li l-informazzjoni li qed jipprovdi tgħaddi minn skrutinju pubbliku permezz tas-sit tal-Awtorità.

Fl-istqarrija li dehret f’timesofmalta.com imkien ma ntqal jekk l-applikant jagħtix il-kunsens ukoll li l-informazzjoni tkun tista’ tiġi aċċessata u mxerda fuq l-Internet.

Skont l-istqarrija issa l-problema ġiet irranġata. L-istqarrija ma tgħidx min se jġorr ir-responsabbilta ta’ dan l-iżball serju.

X’wieġeb il-Ministeru?

Il-Ministeru għall-Infrastruttura ma qalx lil Newsbook.com.mt x’passi konkreti ttieħdu wara li l-Ġimgħa informazzjoni personali u sensittiva ta’ eluf ta’ persuni sabet ruħha fuq l-internet u setgħet tiġi moqrija minn kull min għandu aċċess. Din l-informazzjoni suppost kienet maħżuna b’mod sigur fuq il-kompjuters tal-Awtorità tal-Artijiet.

Sa dalgħodu, is-sit għadu mhux qed jiffunzjona. madanakollu aktar tard illum l-Awtorità tal-Artijiet qalet li ma kien hemm l-ebda tip ta’ infiltrazzjoni minn terzi persuni.

Newsbook.com.mt hu infurmat li għalkemm Google jidher li beda jneħħi parti mill-informazzjoni privata li ntefgħet fuq l-internet, sa dalgħodu kien għadu possibbli li kull min xtaq seta’ jsib din l-informazzjoni privata fuq persuni oħra.

Newsbook.com.mt ikkuntattja l-Ministeru b’sett ta’ mistoqsijiet dwar il-każ sabiex ikun jista’ jiċċara x’ġara eżatt.

Il-Ministeru wieġeb biss li jinsab infurmat bil-każ u li ttieħdet azzjoni immedjata sabiex jiġu stabbiliti l-fatti tal-każ. Madanakollu t-tip ta’ azzjoni li ttieħdet ma’ ġietx spjegata. Intant, il-Ministeru qal li hemm ċans li d-dettalji dwar il-każ joħorġu fiż-żmien li ġej jekk jinstab li huwa xieraq li joħorġu d-dettalji. Il-Ministeru ħa din id-deċiżjoni sabiex ma jikkawżax dannu lill-azzjonijiet li qed jittieħdu mill-Awtorità tal-Artijiet dwar il-każ.

Intant, il-Ministeru ma weġibx dwar x’miżuri qed jieħu biex jiġu protetti l-persuni li tul is-snin għamlu użu mill-websajt, kif ukoll kemm-il persuna ġiet affettwata. Il-Ministeru lanqas ma wieġeb dwar x’passi se jittieħdu sabiex każ bħal dan ma jerġax iseħħ u jekk kienx hemm xi siti oħrajn tal-Gvern ġew affetwati bl-istess mod.

X’ġara lbieraħ

Għall-ħabta tal-5pm ilbieraħ l-edizzjoni bl-Ingliż ta’ Newsbook.com.mt kienet l-ewwel websajt tal-aħbarijiet f’Malta li ħabbret li l-websajt tal-Awtorita’ tal-Artijiet (Lands Authority) ma kinitx għadha tiffunzjona.

Ilbieraħ investigazzjoni bejn timesofmalta.com u The Shift News sabet illi eluf ta’ dokumenti privati u kunfidenzjali ta’ persuni Maltin kienu ntefgħu fuq l-internet. Fost dawn id-dokumenti li kulħadd jista’ faċilment isib fuq l-internet hemm dokumenti b’ħafna dettalji personali u sensittivi ta’ eluf ta’ ċittadini Maltin.

Skont Times of Malta, kelliema għall-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni qalu li ttieħdet azzjoni immedjata u bdiet investigazzjoni mill-Kummissarju flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet. L-istess kelliem qal li l-Kummissarju se jkun qed jieħu l-passi kollha neċessarji li tippermettilu l-liġi sabiex jassigura li l-persuni affettwati jingħataw is-sigurtà kollha neċessarja.