Data Breach: “It-tort huwa ta’ Lands”

Il-kumpanija responsibbli mill-iżvilupp tas-sit tal-Awtorità tal-Artijiet, Webee Ltd qalet li huma qatt ma kitbu jew iddisinjaw il-kodiċi tal-applikazzjoni tan-negozju li minħabba difett fih nhar il-Ġimgħa dokumenti personali ta’ eluf ta’ Maltin spiċċaw fuq l-Internet.

Skont diversi rapporti fil-media l-fuq minn 10 gigabytes ta’ informazzjoni personali li jinkludu dettalji tal-karti tal-identità, ijmejls, affidavits huma fost dokumenti personali lispiċċaw imperċa fuq l-internet.

Fil-kumment li ta lil The Sunday Times kelliem għall-kumpanija Webee saħaq li huma kienu responsabbli biss mid-disinn tas-sit li ġiet mnedija s-sena l-oħra. Il-kelliem għall-kumpanija sostna li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ l-żvilupp ta’ software kemm fuq is-sit kif ukoll fuq l-applikazzjoni; u li skont huma kien il-kawża tal-problema.

Ħadd ma refa r-responsabbiltà

Minkejja li l-bieraħ l-Awtorità qalet li sabet x’ġara sa issa – aktar minn 48 siegħa wara li ngħalaq il-websajt – l-istess sit tal-Lands għadu ma reġax ġie onlajn. Fl-istess waqt r-risposti tal-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg huma qsar u xotti. Ic-CEO tal-Awtorità, James Piscopo għadu ma tkellimx dwar li ġara. Iċ-chairperson l-Imħallef Farrugia Sacco meta kien mistoqsi nhar il-Ġimgħa qal li mhux infurmat.

Sa issa la l-Ministru Borg u l-anqas l-Awtorità għadhom ma qalux min se jġorr ir-responsabbilta ta’ li ġara.

L-awditur indipendenti tal-Lands hi sindku Laburista

Sadanittant The Shift News irrapurtat kif is-Sindku Laburista Charlene Muscat tqabbdet bħala l-awditur ‘indipendenti’ tal-Awtorità tal-Artijiet biex tmexxi l-investigazzjoni fil-ksur ta’ data personali. Muscat assigurat lill-pubbliku li ma kienx hemm leaks ta’ materjal privat iżda The Shift News juru kif il-karta tal-identità tal-istess awditur spiċċat imperċa fuq Google minħabba li ġara.

Is-Sindku Muscat li kienet ġurnalista mal-midja tal-Partit Laburista u hija attiva politikament minħabba l-ħatra tagħha ta’ Sindku Laburista. Il-kelliem għall-Oppożizzjoni Ryan Callus li kien oġġezzjoni li din tilħaq l-awditur indepdenti tal-Awtorità. Bil-liġi l-awditur indipendenti irid jipproteġi l-indipendenza tal-organizzazjoni u jista’ jitneħħa biss mill-Parlament.

Min huma Webee?

Il-kumpanija Webee kienet responsabbli mill-promozzjoni tal-baġit tal-Gvern Laburista għas-snin 2015 u 2016. Il-kumpanija ħadet ħsieb kampanja ta’ pubbliċità fuq il-midja soċjali li ammontat għal €34,000.

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat li Webee kienet responsabbli mis-sit falz maħluq biex iqarraq bil-qarrejja peress għax is-sit kien muri bħala sit tal-eks kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil.

Minn barra s-sit tal-Awtorità tal-Artijiet, Webee ħadet ħsieb is-sit ta’ Identity Malta, Marigold Foundation kif ukoll is-sit tal-Partit Laburista.

Il-Ġimgħa li għaddiet Newsbook.com.mt kien l-ewwel sit tal-aħbarijiet li ħareġ li s-sit tal-Awtorità ma kinitx għadha tiffunzjona. Ftit tal-ħin wara dan investigazzjoni bejn it-Times of Malta u The Shift News sabet li eluf ta’ dokumenti privati u kunfidenzjali spiċċaw fuq l-internet.