Das-sajf m’hemmx ċertifikati għall-ballet u l-futbol minn għaqdiet ġodda

Matul dan is-sajf, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) mhux se tkun qed taċċetta applikazzjonijiet ġodda minn organizzazzjonijiet li jixtiequ jirreġistraw l-għaqda tagħhom, biex eventwalment l-istudenti li jagħmlu xogħol extra-kurrikulari magħhom, jingħataw ċertifikat ta' parteċipazzjoni.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li dan mhux qed isir minħabba li qed tiġi introdotta sistema ġdida. Hu mifhum li fix-xhur li ġejjin, l-NCFHE se tkun qed tikkuntattja lill-entitajiet irreġistrati magħha biex tinfurmahom bl-iżviluppi u r-regolamenti ġodda.
Barra minn hekk, dan is-sajf, il-Kummissjoni Nazzjonali se tkun qed taħdem mill-qrib mal-entitajiet irreġistrati biex tanalizza u ttejjeb is-servizz. Dan bil-għan li l-valuri tat-tagħlim informali u l-istandard tal-edukazzjoni informali jiġu salvagwardati, għall-ġid tal-istudenti.
L-edukazzjoni informali pprovduta lill-istudenti tas-sekondarja wara l-ħinijiet tal-iskola, hija rikonoxxuta fiċ-Ċertifikat tal-Tluq mill-Iskola. 
F'Marzu li għadda, Newsbook.com.mt irrapporta kif għaqdiet mhux governattivi kellhom jistennew ġimgħat sħaħ biex jingħataw n-numru tar-reġistrazzjoni mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki (MQC) biex studenti li jagħmlu xogħol magħhom ikunu jistgħu jingħataw ċertifikat ta' parteċipazzjoni.