Darren Debono mhux ħati li kiser liġijiet dwar is-sajd

Read in English.

L-eks futboler Darren Debono nħeles minn kull akkuża b’rabta’ ma’ akkużi ta’ ksur ta’ liġijiet tas-sajd. Dan ħareġ minn digriet li tat il-Maġistrat Rachel Montebello fil-Qorti lbieraħ.

Il-każ imur lura għall-11 ta’ Ġunju tal-2014, meta kien allegat li Debono għen sajjied li kien qed jaħbi milli jiddikkjara kemm kien qabad ħut. Meta d-dgħajsa tas-sajd Maria Lourdes II iddaħħlet fil-Port il-Kbir, abbord kien hemm 45 pixxispad ekwivalenti għal 631 kilogramma u 24 tonn ta’ denbu blu ekwivalenti għal 2,205 kilogrammi.

Uffiċjali tad-dipartiment tas-sajd kienu daru l-logbook tas-sajjied, li fuqu suppost ikun hemm imniżżel eżattament kemm kien qabad ħut u ddaħħal fil-pajjiż. Fil-log tas-sajjied kien hemm imniżżla biss 30 pixxispad ekwivalenti għal 466 kilogramma, filwaqt li ma saret l-ebda referenza għat-tonn ta’ denbu blu. Intant, il-liċenzja tad-dgħajsa ma kinitx tagħti permess li jsir sajd għal dan it-tip ta’ tonn.

Intant, jidher ukoll li l-ispeċi tal-ħut kien taħt id-daqs minimu skont kif mitlub mir-regolarizzazzjoni tal-immaniġġjar u l-konservazzjoni tal-ħut.

Debono kien akkużat bħala kompliċi fis-sajd u li ta l-għajnuna lis-sajjied biex iniżżel din il-qabda.

Filwaqt li għall-bidu il-Qorti kienet qed tmexxi l-proċedimenti kontra ż-żewġ persuni flimkien, f’Ottubru tal-2018 kien deċiż li l-kawża taż-żewġt irġiel tkompli tinstema b’mod separat.

Il-Qorti osservat li m’hemm l-ebda prova li Darren Debono kien fuq il-bastiment waqt is-sajd fejn sar il-ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja tas-sajd tal-bastiment. Qalet li ma nġiebet l-ebda prova dwar xi kuntatt li sar bejn iż-żewġ imputati fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel. Qalet ukoll li ma rriżultax li Debono laqa’ l-bastiment Maria De Lourdes II meta daħal lura fil-port jew li hu kien preżenti meta l-qabda tal-ħut bdiet tinħatt mid-dgħajsa.

Intant kien spejgat ukoll kif ix-xhieda li ressqet il-Prosekuzzjoni kollha qalu li Debono fl-ebda ħin ma kien fuq id-dgħajsa u lanqas ma kien fuq ix-xatt. Ħareġ kif l-unika evidenza li kienet ippreżentata kienet telefonata li rċieva Debono mis-sajjied biex jgħidlu li ma kienx se jirnexxielu jasal sa Marsaxlokk u biex jibgħat trakk ħalli jwassal il-ħut. Jidher li fit-telefonata, is-sajjied qal lil Debono dwar x’kienet tikkonsisti l-qabda imma t-telefonata nqatgħet meta l-mobile ma kienx għad fadallu batterija.

Il-Qorti qalet li ma kinitx ippreżentata evidenza li kien Debono li ħareġ struzzjonijiet biex isir dan l-ammont ta’ sajd illegali. Lanqas ma kien hemm evidenza li turi li hu kien jaf bil-kwantità illegali.