Darren Debono jirrifjuta li jispija fuq Muscat u Schembri għall-Amerikani – rapporti

L-avukat ta’ Darren Debono, Victor Bugeja, fil-Qorti qal li Darren Debono rrifjuta milli jipprovdi informazzjoni dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri lill-Amerikani, skont rapporti fil-midja. Darren Debono kien ġie arrestat fl-Italja fl-2017 fuq akkużi ta’ traffikar ta’ fuel bejn il-Libja, Malta, u l-Italja.

Skont il-MaltaToday, illum fil-Qorti l-avukat Bugeja qal li l-Amerikani xtaqu informazzjoni dwar il-provvista ta’ fuel lil bastimenti Russi. Kienu lesti li jneħħu sanzjonijiet kontrih jekk jagħmel dan.

‘Minix spjun’ – Debono

Skont Bugeja, Debono ma żvela xejn u qal “le għax huwa l-Prim Ministru tiegħi u jiena minix spjun.”

Dan kollu intqal fil-Qorti fil-kawża li biha Debono qed jitlob mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Gvern Malti biex il-Gvern ma jordnax sanzjonijiet kontrih permezz tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN). Il-Qorti għandha tiddeċiedi dwar dan il-ġimgħa d-dieħla.

Skont Debono, l-Amerikani talbu għal din l-informazzjoni waqt laqgħa li kellhom miegħu. Il-laqgħa kienet dwar sanzjonijiet mill-uffiċċju tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti OFAC li huma imposti fuq Debono. Qal ukoll li ġie mitlub jipprovdi informazzjoni dwar traffikar uman u dwar traffikar tad-drogi.

Is-sanzjonijiet ġew imposti fl-2018 fuq Darren Debono, Gordon Debono, Rodrick Grech, Fahmi Ben Khalifa, Ahmed Ibrahim Hassan Ahmed Arafa, u Terrence Micallef għall-involviment tagħhom ta’ traffikar ta’ prodotti tal-petrolju mil-Libja għall-Ewropa.

Daħħlu aktar minn €30 miljun – l-Istati Uniti

Skont l-Istati Uniti, il-konsorzju ta’ Darren u Gordon Debono rnexxielu jdaħħal aktar minn €30 miljun.

Skont l-avukat Bugeja, aktar sanzjonijiet ikunu “katastrofiċi” għall-klijent tiegħu.

F’Lulju, MaltaToday qalet li r-Russja waqqfet l-attentat ta’ Malta biex Darren Debono u Gordon Debono jitpoġġew fuq lista ta’ sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Skont l-avukat ta’ Debono, l-unika raġuni għalfejn Malta trid dawn is-sanzjonijiet hija minħabba l-Istati Uniti. Fakkar li m’hemm l-ebda proċeduri lokali li ttieħdu kontra Debono. Qal li Debono qatt ma kien involut fi frodi jew traffikar.

Ilbieraħ it-Times of Malta rrapporta li rappreżentat tal-Bord tal-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet lokali kkonferma li Malta mhix interessata li ġġib sanzjonijiet kontra l-allegat traffikant taż-żejt Gordon Debono. Skont it-Times, id-deċiżjoni ta’ Malta tfisser li l-ebda azzjoni ma tkun tista’ tittieħed fuq livell tal-UN jew lokali.

L-ebda azzjoni f’Malta kontra suspettat traffikant tal-fuel

L-avukat ta’ Debono, Roberto Montalto ssottometta applikazzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni kontra l-awtoritajiet Maltin biex dawn ma jkunux jistgħu jressqu mozzjonijiet kontra l-klijet tiegħu fuq livell nazzjonali jew internazzjonali. Il-Qorti laqgħet din it-talba b’mod proviżorju.

Fi stqarrija maħruġa llum, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li bil-kontra ta’ dak li qed jgħidu rapporti fil-midja, ma kien hemm l-ebda tibdil fid-direzzjoni fil-ħruġ potenzjali ta’ sanzjonijiet kontra Gordon Debono u Darren Debono man-Nazzjonijiet Uniti.

Skont il-Ministeru, id-dikjarazzjoni tal-bieraħ tal-Gvern fil-Qorti saret kif mitlub bil-liġi f’proċeduri fejn hemm talba għal mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Gvern ta’ Malta.

Skont il-Ministeru, id-dikjarazzjoni saret biex jiġi spjegat li l-elementi għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni ma kenux ireġu.

Fi kliem il-Ministeru, id-dikjarazzjoni ma timplikax li azzjonijiet li ttieħdu fil-passat jew azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fil-futur ikunu jistgħu jinbidlu.

Il-Ministeru qal li hija materja kunfidenzjali l-kwistjoni dwar jekk Malta tippreżentax petizzjoni għal sanzjonijiet quddiem in-Nazzjonijiet Uniti.

L-avukat ta’ Gordon Debono, Robert Montalto qal mat-Times of Malta li se jkun qed jieħu azzjoni legali minħabba din l-istqarrija tal-Gvern. Qal li l-azzjonijiet tal-Gvern u tal-Avukat Ġenerali kienu oxxeni.