Darbtejn kuljum lejn Munich, Ruma u Catania fis-sajf li ġej

Is-sajf li ġej l-Air Malta qed tippjana li topera 150 titjira fil-ġimgħa lejn 29 destinazzjoni.
B’din l-iskeda, li tibda mis-26 ta’ Marzu u ttul sat-28 ta’ Ottubru 2017, il-linja tal-ajru nazzjonali qed tippjana li ġġorr 1.2 miljun passiġġier filwaqt li tkompli topera bi flotta ta’ tmien ajruplani, simili għal din is-sena.
L-iskeda tal-Air Malta għas-sajf 2017 se jkollha żieda fil-frekwenzi lejn Munich, Brussell, Amsterdam, Vjenna, Zurich, Ruma, Catania, Lyon, Palermo, Praga u Moska. Fl-eqqel tas-sajf, il-linja tal-ajru se topera sa żewġ vjaġġi kuljum lejn Munich, Ruma u Catania.
Is-sajf li ġej, l-Air Malta se tnaqqas xi frekwenzi għall-istaġun kollu, jew parti minnu, lejn Gatwick, Berlin, Manchester u Ġinevra u se twaqqaf il-frekwenzi lejn Ateni u Frankfurt. Madankollu l-linja tal-ajru xorta se żżomm it-titjiriet ta’ code-sharing mal-Lufthansa lejn Frankfurt fejn il-linja tal-ajru Ġermaniza se topera b’żewġ titjiriet kuljum.
L-Air Malta se tkompli l-ftehimiet ta’ code-sharing mal-Air France, l-Alitalia, l-Aeroflot, l-Austrian Airlines, l-Emirates, l-Etihad, il-KLM, il-Lufthansa, il-Brussels Airlines, iċ-Czech Airlines, il-Meridiana, is-Swiss Airlines u t-Turkish Airlines.
Dawn il-ftehimiet jespandu n-netwerk tal-Air Malta lejn swieq oħra madwar id-dinja.
Din l-iskeda tas-sajf se timmassimizza l-opportunitajiet, iżżid l-effiċjenza u tagħmel it-titjiriet aktar attraenti, kemm għal dawk li jivjaġġaw minn Malta kif ukoll għat-turisti li s-sajf li ġej se jżuru l-gżejjer.